Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista
Fl-2012, l-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista d-dejn tal-Gvern Ċentrali kien €4,650 miljun. Is-sena l-oħra d-dejn tela’ għal €11,360 miljun – 144 fil-mija iktar milli kien fl-2012. Bejn l-2012 u l-2019 id-dejn żdied b’€778 miljun.
Bejn l-2019 u l-2025 id-dejn qabeż qabża kbira u żdied b’€6,032 miljun. Veru kien hemm il-pandemija tal-COVID-19 meta fl-fl-2020 id-dejn żdied b’€1,468 miljun u fl-2021 meta d-dejn żdied b’€1,232 miljun, iżda fis-snin ta’ wara l-Gvern ta’ Robert Abela għoġbu li jibqa’ jissellef. U baqa’ jissellef bil-goff. Ara gvern Nazzjonalista fis-snin li d-dinja għaddiet mill-ikbar kriżi ekonomika u finanzjarja u meta ż-żejt kien anke leħaq $140 il-barmil ma ssellifx iktar mis-soltu. Issellef kemm kien hemm bżonn mingħajr eċċessi. Il-Partit Laburista jista’ jiftaħar li fis-snin li ilu fil-Gvern, iddejjen id-doppju u nofs tal-50 sena ta’ qabel! Tiftakru kemm propaganda kienu jagħmlu l-Laburisti bid-dejn.
F’kull programm elettorali tagħhom waħda mit-tliet kwestjonijiet ewlenin kienet tkun id-dejn. Kienu jgħajjru lill-Gvernijiet Nazzjonalisti ħalja. Li jiddejjnu. Dan l-aħħar Robert Abela, li jidher li fis-snin ta’ gvernijiet Nazzjonalisti kien fi pjaneta oħra, qal li n- Nazzjonalisti kienu awsteri.
Mingħajr ma jaf qed jattakka lil predeċessur tiegħu Joseph Muscat għaliex dan ma tantx issellef meta kien Prim Ministru. Anzi kien jiftaħar li kien qed inaqqas id-dejn u jħallas lura d-dejn tal-Gvernijiet ta’ qablu. Anke jekk din ma kenitx il- veritá għaliex id-dejn li kien iħallas kienu stocks li jagħlqu u jerġa’ joħroġhom b’imgħaxijiet iktar baxxi, bħala dejn ġdid – b’imgħaxijiet ta’ 0.5 u 0.25 fil-mija. Hekk kien qed jiġri mad-dinja kollha! Iżda veru li Muscat kien qed jagħmel sforz biex inaqqas id-dejn!
Jieħu pjaċir jiddejjen
Robert Abela min-naħa l-oħra donnu jieħu pjaċir jiddejjen. Bil-mijiet ta’ miljuni. Għalih l importanti li ma naqbżux is-60 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross. Bħallikieku meta niġu biex inħallsu lura dan id-dejn ser jinqata’ bil-persentaġġi! Barra minhekk id-dejn għandu marbuta miegħu l-imgħaxijiet. Li mhux dejjem ikunu baxxi bħalma kienu fl-ewwel snin tal-Gvern Laburista. Ara meta kien hawn kriżi dawn telgħu għal erbgħa fil-mija u iktar. U jekk il-gwerra fil-Lvant Nofsani tissokta u ġġib magħha żieda fl-inflazzjoni – li diġa qed tinħass minħabba ż-żieda fil-prezz taż-żejt – l-imgħaxijiet ser jerġgħu jogħlew.
Ma ninsewx li aħna parti mid-dinja, parti mill-Unjoni Ewropea. Jekk riċessjoni tolqot pajjiżi oħra tasal fuqna wkoll. L-importanti li Robert Abela għandu war chest ta’ €250 miljun! Probabilment magħmula minn iktar dejn! Id-dejn meta jsir bħala investiment fi proġetti li jirrendu bħat-titjib tal-infrastruttura, mhux ħażin li jsir. Iżda meta d-dejn ikun biex jibbilanċja n-nefqa rikorrenti tal-Gvern dan mhu pożittiv xejn. Hu mazzra ma’ għonq kull Malti u Għawdxi.
Il-Gvern ma jistax ikompli jisparpalja l-miljuni. Bħal l-infiq ta’ miljuni għall-inawgurazzjoni ta’ Vision 2050 li l-Gvern ma jridx jgħid kemm il-miljun swiet. Bħall-infiq fuq ir-reklanmar f’diversi ministeri li ma jridux jgħidu kemm hu. Bħall-infiq bla kontroll mill-Kummissjoni Maltija tal-Films. Bħall-infiq bl-addoċċ is-sena kollha f’billboards ta’ propaganda. Qed nitkellmu dwar għexiren ta’ miljuni li l-poplu għandu kull dritt ikun jaf kif intefqu. Dawn mhumiex flus ta’ Robert Abela jew ta’ xi ministru jew segretarju parlamentari. Huma flus il-poplu u għalhekk il-poplu għandu kull dritt ikun jaf kif qed jintefqu.
Dejn f’investiment li jrendi
■ Kieku dawn il-miljuni qed jiġu investiti fl-impjanti biex jissaffa d-drenaġġ kif ġew investiti minn Gvern Nazzjonalista kieku ma konniex mill-ewwel post bħala trattament tad-drenaġġ nispiċċaw fl-aħħar post tal-Unjoni Ewropea fl-2023.
■ Kieku dawk il-miljuni kienu investiti f’enerġija rinovabbli ma konniex nispiċċaw fl-aħħar post fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Insejt kemm ili nikteb dwar il-possibbilta’ li ninvestu fi proġrett ta’ enerġija mix-xemx fl-Afrika ta’ Fuq u nimpurtaw enerġija rinovabbli minn hemm. Issa jidher li l-Ministru Miriam Dalli stenbħet għal din il-possibbilta’ u qed tikkunsidraha. Nispera ma tkunx biss kunsiderazzjoni bħal ħafna proġetti oħrajn ta’ dan il-Gvern. Ma ninsewx li pajjiżna għandu l-ikbar dipendenza fl-Ewropa ta’ enerġija impurtata.
■ Kieku l-Gvern investa f’pipline tal-gass bejn Malta u Sqallija, kif Gvern Nazzjonalista investa fuq interconnector, kieku ma nibqgħux naraw quddiem wiċċna t-tanker għall-ħażna tal-gass f’nofs il-port ta’ Marsaxlokk.
■ Kieku dawn il-miljuni kienu investiti f’vapuri ġodda għal Għawdex biex jingħaqdu mat-tlieta li hemm u li nbnew minn Gvern Nazzjonlista, kieku ma jkollniex għalfejn naqsmu bejn il-gżejjer fuq il-karrakka ta’ vapur li l- Gvern Laburista kera mill-Greċja.
■ Kieku l-Gvern investa f’sistema ta’ trasport tal-massa kieku ma nibqgħux imblukkati fit-traffiku b’ċerti ħinijiet jaqbillek tieħu ajruplan għal Sqallija milli toħroġ bil-karozza tiegħek. Iżda kif jgħid il-Malti: “Kieku waqa’ u kiser siequ”. Il-Gvern għaliex ma jinteressahx kemm jiddejjen jonfoq dak li ma jaqlax. Flok għall-futur jaħseb għal-lum biss. Bħallikieku għada ma jasalx.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

