Ebda reazzjoni. Ebda tweġiba. Ebda kjarifika. Lanqas stqarrija biex imqar inaddaf ismu. Anton Refalo għosfor kompletament f’dawn il-jiem. Iżda Robert Abela, qed jinsisti li “sodisfatt” b’dan kollu.
Il-filmat imxandar din il-ġimgħa mir-Rai tefa’ wkoll dubji fuq ir-raġuni vera għaliex Anton Refalo qed jikri din il-villa fil-Qala; fejn deher dieħel fiha b’biċċa opra tal-arti kbira.
Il-Ministru inqabad mill-cameras tal-ġurnalisti Taljani.
Iżda sallum, ħadd ma jaf x’fiha eżatt din il-villa u għaliex Refalo qed jikriha meta għandu pataflun ta’ proprjetajiet oħrajn fuq ismu – li uħud minnhom wirithom.
Skont l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-assi, li ilhom ma jkunu ippubblikati mill-elezzjoni tal-MEPs li għaddiet… Refalo għandu mal-24 proprjetà. Dawn jinkludu żewġ uffiċċji fiż-Żebbuġ u r-Rabat Għawdex, żewġ appartamenti l-Imsida, dar il-Qala, sitt appartamenti f’Marsalforn u proprjetà fix-Xewkija.
Refalo għandu wkoll żewġ studio flats ix-Xlendi, residenzi li wiret fir-Rabat Għawdex, u anke sehem f’numru ta’ propjetajiet oħrajn. U għalhekk, qed iqumu dubji serji dwar ir-raġuni vera għaliex qed jikri din il-villa partikolari fil-Qala Għawdex – fejn għal xi snin kien jgħix il-Kap tal-Mafja, Toto Riina.
Mistoqsi mill-ġurnalisti tar-Rai dwar din il-villa partikolari, Refalo ma kienx jaf meta akwistaha u min kienu s-sidien ta’ qablu. Imbgħad, il-Ministru biddel il-verżjoni tiegħu, u stqarr li l-villa qatt ma kienet tiegħu – imma mikrija lilu.
Intant, il-preżentatur Massimo Giletti ta l-opportunità kollha lil Refalo biex jippreċiża l-pożizzjoni tiegħu. Iżda sa issa, ma kien hemm ebda stqarrija minn naħa tal-Ministru.
//= $special ?>
