Lokali Qorti

Żagħżugħ se jitressaq il-Qorti wara li ġie arrestat b’rabta ma’ traffikar tad-droga

Żagħżugħ ta’ 25 sena residenti l-Belt Valletta se jitressaq il-Qorti wara li ġie arrestat l-Erbgħa filgħodu b’rabta ma’ traffikar tad-droga.

Il-każ seħħ l-Erbgħa għall-ħabta tal-10:00 ta’ filgħodu waqt li l-Pulizija kienu qed iwettqu sorveljenza fl-inħawi tal-Isptar San Luqa f’Tal-Pietà fejn imbagħad innutaw raġel f’vettura li qajjem suspett li seta’ kien involut fit-traffikar tad-droga fl-inħawi.

Iż-żagħżugħ li għandu 25 sena u huwa residenti l-Belt Valletta twaqqaf mill-Pulizija, fejn minn tfittxija li saret fuqu, kif ukoll fil-vettura tiegħu nstabu diversi qratas b’sustanzi suspettati kokaina, eroina u kannabis, flimkien ma’ ammont ta’ flus kontanti.

Huwa ġie arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat Tanya Sammut.