Lokali Qorti

Żewġ adoloxxenti u żagħżugħ tressqu l-Qorti akkużati li attakkaw courier

Tliet żgħażagħ, fosthom żewġ adoloxxenti u raġel ta’ 24 sena, tressqu l-Qorti akkużati li serqu courier waqt konsenja f’San Pawl il-Baħar, wara li allegatament żammewh taħt theddida ta’ sikkina u serquh €200 fi flus kontanti u prodotti tat-tabakk.

Il-Qorti semgħet kif il-każ seħħ fil-31 ta’ Marzu filgħaxija, meta l-vittma mar iwassal ordni u ġie attakkat minn żewġ persuni mgħammda li wieħed minnhom kellu sikkina, filwaqt li tfajla ta’ 17-il sena allegatament kellha rwol ta’ lookout u kienet f’kuntatt mal-courier.

Investigazzjonijiet tal-Pulizija, inkluż filmati tas-CCTV, wasslu biex jiġu identifikati t-tliet suspettati, u ġie stabbilit li l-ordni kienet saret minn mobajl ta’ waħda mill-akkużati. Iż-żagħżugħa ta’ 17-il sena ammettiet l-akkużi kontrihha u qalet lill-Pulizija li kienet abbandunata mill-ġenituri tagħha u mingħajr appoġġ, filwaqt li ż-żewġ ko-akkużati ċaħdu l-akkużi.

Il-Prosekuzzjoni talbet li l-każ tal-minorenni jinstema’ separatament, u minkejja talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti rrifjutat il-bail minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħha, inkluż in-nuqqas ta’ residenza stabbli u problemi fil-familja.

Anke ż-żewġ ko-akkużati ġew miċħuda l-ħelsien mill-arrest, filwaqt li l-proċeduri kontra tagħhom mistennija jkomplu fil-Qorti fil-jiem li ġejjin.