Niġerjan ta’ 53 sena kien ikkundannat 8 snin ħabs wara li ammetta, flok għadda ġuri, li daħal f’Malta b’100 kapsola li fihom kien hemm kważi kilo kokaina.
Stanley Chukwukere kien arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fit-2 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet wara li kien għadu kemm jasal Malta minn Brussell. U għalkemm fuqu ma nstab xejn il-pulizija ħaduh l-Isptar Mater Dei …fejn ir-raġel ammetta li kien bela 100 kapsola bil-kokaina.
Huwa tressaq fil-Qorti u wieġeb mhux ħati ta’ pussess u importazzjoni ta’ droga u nżamm arrestat.
Chukwukere kellu jgħaddi ġuri…. imma l-prosekuzzjoni u d-difiża qablu li jekk jammetti jeħel piena ta’ 8 snin ħabs u €15,000 multa. Huwa stmat li d-981 gramma kokaina kellha purità ta’ 87% u kellha valur fit-triq ta’ madwar €57,900.
L-Imħallef Natasha Galea Sciberras aċċettat il-qbil bejn iż-żewġ naħat u kkundannatu għall-imsemmija piena waqt li ordnatlu jħallas lill-esperti li ġew imqabbda mill-Qorti.
//= $special ?>

