Lokali

Alex Borg itenni l-impenn tiegħu favur l-istudenti

“Ix-xogħol tal-Grupp Universitarji Għawdxin huwa importanti għax jagħti vuċi b’saħħitha liż-żgħażagħ Għawdxin. Nemmen li d-djalogu kontinwu bejn l-istudenti u dawk li jfasslu l-politika huwa essenzjali biex jinħolqu soluzzjonijiet li verament jirriflettu l-bżonnijiet tagħhom.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg f’laqgħa li kellu mar-rappreżentanti tal-GUG – il-Grupp Universitarji Għawdxin.

Matul il-laqgħa, il-GUG ippreżenta l-viżjoni permezz tal-islogan tiegħu, “Tibdiliet magħmulin eħfef.”

Il-grupp spjega li dan l-islogan, jirrifletti l-impenn tagħhom li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum tal-istudenti – partikolarment dawk li jridu jivvjaġġaw regolarment, bejn Għawdex u Malta għall-istudji tagħhom.

Mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-istudenti qasmu l-isfidi ewlenin li jaffaċċjaw fosthom dawk relatati mal-akkomodazzjoni, l-spejjeż tat-trasport u l-konnettivita bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-Grupp iservi bħala vuċi għaż-żgħażagħ Għawdxin, u jippromwovi lill-organizzazzjonijiet u ż-żgħażagħ biex jippjanaw għall-futur ta’ Għawdex.

Min-naħa tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg enfasizza l-importanza ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soluzzjonijiet ta’ trasport aktar effiċjenti, u sostna li dawn huma mezzi essenzjali biex l-istudenti jiffukaw fuq l-edukazzjoni tagħhom.

Apparti minn hekk, fakkar kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun kommess li jinvesti fil-vapuri l-ġodda u konnettività aħjar.

Alex Borg faħħar l-impenn tal-GUG, u ddeskriva l-Grupp bħala pjattaforma importanti li tagħti vuċi liż-żgħażagħ Għawdxin. Huwa qal li l-organizzazzjonijiet tal-istudenti għandhom rwol ewlieni fil-formazzjoni tal-politika u li l-proposti tagħhom għandhom jittieħdu bis-serjetà.

Għal din il-laqgħa il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit u kandidat Beppe Galea u l-kandidati Frank Anthony Tabone u Luke Said.