Futbol Sport

Crystal Palace viċin biex jeliminaw lil Fiorentina

Jean-Philippe Mateta
Jean-Philippe Mateta

Il-Ħamis filgħaxija kelna erba’ partiti mill-istadju tan-Knock-Out tal-UEFA Conference League, fejn fl-erba’ konfronti kollha kelna t-tim li kien qed jilgħab f’daru kiseb rebħa konvinċenti li tpoġġiħ f’posizzjoni tajba qabel it-tieni leg li jista’ javvanza għall-istadju li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni. Rayo Vallecano, Crystal Palace, Mainz 05 u Shakhtar Donetsk kellhom rebħiet komdi, fejn fil-każ tal-Ukreni Shaktar Donetsk, minkejja li l-logħba kienet skedata f’darom, huma għadhom mhux qed jilgħabu fl-Ukrajna iżda minflok lagħbu fil-Polonja.

L-Ispanjoli ta’ Rayo Vallecano ftit li xejn kellhom diffikulta biex fl-ewwel logħba minn tnejn kontra AEK Athens tal-Greċja ħarġu rebbieħa 3-0. L-attakkant Marrokin ta’ 21 sena, Ilias Akhomach ikkundizzjona l-partita mill-ewwel, meta fetaħ l-iskor wara biss żewġ minuti.

Fl-20 minuta, id-difensur Florian Lejeune għamilhom 2-0 wara li r-referee kellu jikkonsulta mal-VAR qabel ma kkonvalida l-gowl. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’żewġ minuti fuq il-ħin mogħti żejjed, Rayo Vallecano komplew imewtu l-motivazzjoni tal-avversarji meta skorjaw it-tielet gowl. Din id-darba l-awtur tal-gowl għall-Ispanjoli kien Unai López.

Crystal Palace ġabu fix-xejn l-isfida tat-tim avversarju Taljan, Fiorentina b’rebħa ta’ 3-0 f’ Selhurst Park. Sitt minuti qabel l-ewwel nofs siegħa logħob, Jean-Philippe Mateta skorja l-ewwel gowl tal-logħba minn penalty.

Tmien minuti wara, Crystal Palace għamluhom 2-0 meta d-difensur ta’ 26 sena, Tyrick Mitchell għeleb lil David de Gea. Minuta fuq id-90 minuta, it-tim Ingliż skorja t-tielet wieħed tal-partita, grazzi għal Ismaila Sarr.

B’żewġ gowls fl-ewwel taqsima u fi spazju ta’ tmien minuti taw rebħa ta’ 2-0 lil Mainz 05 kontra Strasbourg. Għall-Ġermaniżi li kienu qegħdin jilgħabu quddiem il-partitarji tagħhom stess, fetaħ l-iskor l-ewwel Kaishu Sano fil-11-il minuta, bl-Awstrijak Stefan Posch jirdoppja qabel l-ewwel 20 minuta logħob tal-partita.

Shakhtar Donetsk ħallew għall-aħħar biex skorjaw tliet darbiet u għelbu lil AZ Alkmaar 3-0. Fit-72 minuta, Pedrinho żblokka l-iskor bl-ewwel gowl tal-partita. Disa’ minuti wara, Alisson Santana għamilhom 2-0, bl-istess plejer jerġa’ jsib ix-xibka avversarja żewġ minuti wara għal rebħa ta’ 3-0 u kollass mill-Olandiżi fl-aħħar 20 minuta tal-logħba.