Hibernians u Sliema Wanderers bdew il‑Closing Round, fl-istadju tal-Bottom 6, b’riżultat ta’ 1–1, f’partita li rat liż-żewġ timijiet juru organizzazzjoni u dixxiplina tattika.
Mingħajr dubju dawn it-tnejn qed jilgħabu f’sezzjoni tal-Malta Premier, li akkost ta’ kollox qatt ma kienet fil-mira tagħhom, iżda ċ-ċirkostanzi kif seħħew matul dan l-istaġun, se jkunu qed jaraw lil dawn it-tnejn jiċċaħdu minn post fl-Ewropa fl-istaġun li ġej. Id-draw ta’ 1-1 ma jweġġax lil Sliema Wanderers, iżda jħalli lil Hibernians f’posizzjoni skomda hekk kif għandhom bżonn jiġbru l-punti biex jitbgħedu kemm jista’ jkun miż-żona ‘l ħamra.
Il-Pawlisti bdew il-partita b’ritmu għoli u marru fil-vantaġġ wara 18-il minuta permezz ta’ Kevin Halabaku.
Wara dan il-gowl, il-Wanderers, daħlu aktar fil-partita u ftit qabel il-mistrieħ irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs permezz ta’ Uros Duranovic.
Fit-tieni taqsima, iż‑żewġ naħat ippruvaw jiskorjaw il-gowl li permezz tiegħu jiksbu t-tliet punti fil-ġurnata, b’Hibernians fittxew li jerġgħu jieħdu l-kontroll tal-partita filwaqt li Sliema Wanderers għamlu l-aħjar li setgħu biex ikomplu jibnu fuq il-momentum li kellhom qabel il-mistrieħ.
Minkejja dan l-ebda tim ma rnexxielu jikseb it-tliet punti biż-żewġ skwadri rispettivi jikkuntentaw b’draw.
Intant il-Malta Premier ikompli bejn għada u nhar il-Ħadd b’żewġ partita fl-Istadium Nazzjonali u tliet partiti bejn għada u l-Ħadd fil-Gozo Stadium għall-Gozo Weekender.


