Mil-lejla jirritorna l-Malta Premier, u tibda l-aħħar fażi tal-Closing Round, hekk kif issa t-12-il tim ta’ dan il-Kampjonat inqasmu f’Top Six u Bottom Six. L-ewwel partita li għadna skedata għal-lum mill-Bottom Six, bejn Sliema Wanderers u Hibernians, se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’Qali. Madankollu matul din it-tmiem il-ġimgħa għadna l-ewwel tliet partiti minn sitta, li f’temp ta’ żewġ weekends, se jkunu qed jintlagħbu f’Għawdex bħala parti minn inizjattiva pożittiva li l-Malta Premier u l-Ministeru t’Għawdex qed jerġgħu jorganiżżaw flimkien għat-tieni sena konsekuttiva.
Waħda minn dawn il-partiti, li se tkun qed tintlagħab għada fil-Gozo Stadium, se jkun id-dwell dirett mit-Top Six bejn Marsaxlokk u Ħamrun Spartans. Attwalment, iċ-champions Ħamruniżi, jiunsabu t-tieni fil-klassifika tal-Closing Round, tliet punti taħt il-leaders Floriana, u b’tliet punti vantaġġ fuq it-tim ta’ warajhom, Marsaxlokk. Dan ifisser li l-konfront ta’ għada bejn Marsaxlokk u Ħamrun Spartans għandu importanza kbira, speċjalment f’każ ta’ rebħa mix-Xlukkajri.
Jumejn qabel din il-partita, f’konferenza stampa li saret il-bieraħ, tkelmu ż-żewġ kowċis rispettivi, Enzo Potenza ta’ Marsaxlokk u Giacomo Modica ta’ Ħamrun Spartans. Ix-Xlukkajri, li llhom kważi xahar weqfin, ġejjin minn draw ta’ 1-1 fl-aħħar partita tal-Kampjonat, kontra Valletta. Dwar din il-logħba, Potenza qal li kontra Valletta kellhom il-logħba f’idejhom, iżda l-futbol “hu mimli dinamika differenti, żbalji u mumenti li kultant jistgħu jkunu inġusti”.
Potenza faħħar l-impenn u l-isforz tal-plejers tiegħu f’kull partita li Marsaxlokk lagħbu dan l-istaġun, u saħaq li huma jħejju bl-istess serjetà u professjonalità għal kull sfida li jkollhom matul l-istaġun.
B’referenza għall-konfront li jmisshom jilgħabu kontra Ħamrun Spartans, il-kowċ Taljan qal li l-avversarji ta’ għada, m’għandhom bżonn ta’ ebda introduzzjoni, b’kampanja Ewropea qawwija u f’staġun fejn diġa’ kważi lagħbu viċin il-50 partita.
“Nirrispettawhom, imma aħna wkoll se nkiunu ppreparati tajjeb biex naffrontaw b’serjetà dan il-konfront,” kompla jgħid Potenza.
F’din l-istess konferenza stampa, tkellem ukoll il-kowċ l-ieħor Taljan, Giacomo Modica ta’ Ħamrun Spartans. Anke din l-iskwadra, sforz l-impenji tat-timijiet nazzjonali Maltin fl-aħħar ġimgħat, ilha ma tilgħab logħob kompetittiv għal kważi xahar, bl-aħħar dehra tagħhom kienet fil-Malta Premier, fejn kienu tilfu b’mod sorprendenti kontra Mosta bl-iskor ta’ 2-1.
Modica, qal li hu essenzjali li t-tim jirreaġixxi wara t-telfa kontra Mosta. Il-kowċ Sqalli ammetta li l-approċċ tal-plejers tiegħu f’din l-aħħarm logħba li lagħbu kien wieħed żbaljat.
Modica spjega kif matul dawn il-jiem ta’ waqfa, kienet diffiċli għaliħ bħala kowċ biex jitħarreġ u jipprepara l-iskwadra kif mixtieq. Dan għaliex meta tiġbor il-plejers kollha li kienu mgħajta mill-kowċis tat-timijiet nazzjonali tal-kbar u fil-livell taż-żgħar, u li jiffurmaw parti mill-iskwadra tiegħu, Ħamrun Spartans kellhom seba’ plejers li għal tliet ġimgħat sħaħ kienu assenti milli jitħarġu mal-klabb tagħhom. Minkejja dan, Modica esprima li jħossu kburi li t-tim li hu jmexxi bħala kowċ, għandu dan l-ammont ta’ plejers li kienu magħżula biex jirrapreżentaw lil Malta.
B’referenza għal-logħba important ta’ għada f’Għawdex kontra Marsaxlokk, Modica qal li issa, “l-attenzjoni kollha tagħna għandha tkun fuq l-aħħar sforz biex jintlaħaq l-għan li lkoll nixtiequ. M’hemmx dubju, mkontra Marsaxlokk se tkun logħba diiffiċli u kontra kowċ bravu u eċċellenti.”
Id-dwell ta’ għada bejn dawn iż-żewġ timijiet se jkun ir-raba’ wieħed f’dan il-Kampjonat, b
Ħamrun Spartans rebħu diġa’ tnejn minn tliet partiti li lagħbu u l-konfront l-ieħor intrebaħ minn Marsaxlokk. L-aħħar darba li Marsaxlokk u Ħamrun Spartans affrontaw lil xulxin kien lejn l-aħħar ta’ Frar li għadda, fejn ir-rebbieħa tal-Opening Round ta’ dan l-istaġun kienu għelbu lit-tim ta’ Potenza 2-0, b’gowls ta’ Blessing Chibuike Eleke u l-internazzjonali Malti, Joseph Mbong. Iż-żewġ gowls ta’ Ħamrun Spartans f’dik il-partita kienu skorjati fit-tieni taqsima.
//= $special ?>

