Lokali

Il-villa fil-Qala mhux mniżżla fl-assi tal-Parlament għax Refalo għadu qed jikriha

Il-ġurnalisti ttimbrati morda, iffissati u b’kundizzjoni għax qed jistaqsu

Fl-aħħar dikjarazzjoni tal-assi bħala Membru Parlamentari, il-Minsitru Anton Refalo ddikkjara aktar minn 24 proprjetà immobbli  li huma proprjetà tiegħu; fosthom djar, boutique hotel u  baraxx ta’ appartamenti mxerrdin bejn Malta u Għawdex.

Madanakollu l-proprjetà li minħabba fih spiċċa fuq ir-Rai, ċioè dik tal-Qala – mhix mniżżla. Dan għas-sempliċi fatt li l-Ministru Refalo insista li l-proprjetà mhux tiegħu imma jikriha, u ilu jagħmel dan sa mill-2002.

Għalhekk il-Ministru mhux fl-obbligu legali li jiddikjara proprjetà li tinsab għandu b’kirja, għaliex effettivament ma akkwistaħhiex.

Kollox beda tul il-jum tat-Tnejn, meta l-istazzjon Rai 3 xandar servizz li fih il-ġurnalist Taljan kien qiegħed jinvestiga r-rabtiet li kellha l-mafja ta’ Cosa Nostra u l-mafjuż Totò Riina mis-snin 70 – fejn ir-residenti tal-post indikawlu żewġ proprjetajiet li Riina kien joqgħod fihom – proprjetà fl-Għarb, u oħra fil-Qala – liema proprjetà qiegħed qiegħda għand il-Ministru Refalo bil-kera.

Iż-żewġ proprjetajiet saħansitra ntgħarfu minn persuna li kien qrib ħafna ta’ Totò Riina anke meta kien iżur il-gżira Għawdxija.

Il-Prim Ministru Robert Abela insista mal-ġurnalisti li Anton Refalo kriha mingħand mara Taljana, fl-2002, imma mhux f’pożizzjoni jgħid jekk din il-mara hux ħajja jew mejta.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News allegaw li Anton Refalo ma joqgħodx f’din il-proprjetà fil-Qala, b’veduta unika tal-Port tal-Imġarr, iżda allegatament jużaha bħala store għad-diversi pitturi ta’ preġju li jikkolezzjona. Dan saħansitra jixhdu l-fatt, li anke meta l-media Taljana inzertatu dieħel fl-imsemmija dar…kien qiegħed iħott pittura minn vann.

Imbgħad, meta ħareġ mill-Villa, Anton Refalo l-ewwel sostna li ma kienx jaf min kien Totò Riina u sussegwentament meta mistoqsi dwar mingħand min ħa l-imsemmija villa huwa qal lill-ġurnalist “mhux affarik”, u ħarab bit-trakk.

Mal-ġurnalisti l-Prim Ministru wieġeb li dak huwa l-istil ta’ Refalo – bħallikieku kienet imġieba normali u aċċettata. Dan filwaqt li għax il-ġurnalisti lokali qed jistaqsu, kif inhu mistenni, qed jiġu ttimbrati mill-Partit Laburista u esponenti tiegħu bħala iffissati, morda u li għandhom kundizzjoni.