Għawdex Lokali

“Irridu Gvern li tassew jemmen f’Għawdex”

Ritratt: CVC Media

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħarab milli jwieġeb dwar il-fatt li Gvern Laburista kien wiegħed sptar ġenerali ġdid f’Għawdex; u minflok l-Għawdxin għadhom jinqdew bi sptar mibni fis-sittinijiet.

Dan hekk kif waqt programm fuq ix-Xandir tal-Istat, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said insista li 13-il sena ilu Gvern Laburista wiegħed li se jibni sptar ta’ 400 sodda. U minflok, taw il-miljuni ta’ ewro lil barranin li ħarbu bihom…u m’għamlu assolutament xejn.

Chris Said insista li Gvern Nazzjonalista dejjem emmen f’Għawdex u l-Għawdxin. U saħaq fuq il-kunċett ta’ Għawdex bħala Gżira Reġjun – imnaqqxa fil-kostituzzjoni – Bil-għan li l-Għawdxin jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom infushom.

Hu insista fuq il-bżonn li l-edukazzjoni f’Għawdex tissaħħaħ hekk kif stqarr li Gvern Nazzjonalista dejjem ħadem sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-istudenti filwaqt li spjega kif Gvern Laburista ilu snin iwiegħed u ma jwettaqx f’dan il-qasam; partikolarment fejn għandha xtaqsam edukazzjoni terzjarja.

Chris Said tkellem ukoll dwar il-kwistjoni li l-korpi kostitwiti Għawdxin qed jinsistu fuqha, ċioè l-fatt li diversi ħaddiema Għawdxin qed jagħżlu li jmorru mal-Gvern milli mal-privat. B’Said jisħaq li dan qed isir għaliex f’Għawdex m’hemmx titjib fil-pagi u kundizzjoni ta’ xogħol – punt li Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qiegħed itejjeb.

U filwaqt li Gvern Laburista ilu jwiegħed mitjar għal dawn l-aħħar 13-il sena, rigward il-konnettività insista li allaħares ma kienx Gvern Nazzjonalista li bena 3 vapuri.

Finalment huwa spjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam, ċioè il-bżonn ta’ 5 vapuri kif ukoll vapur tal-merkanzija – liema servizz kien twaqqaf minn Gvern Laburista bil-konsegwenza li issa ilna mingħajru għal dawn l-aħħar 10 snin.