Lokali

“Is-saħħa mentali għandha tkun prijorità nazzjonali” – Alex Borg

Ritratt: Martin Agius

“Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li s-saħħa mentali u r-riabilitazzjoni jingħataw prijorita nazzjonali.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalita, Alex Borg, waqt żjara li għamel lill-Fondazzjoni OASI, f’Għawdex – fondazzjoni li ilha topera mill-1991 u li taħdem bla heda biex tgħin lil persuni li qed jaffaċċjaw sfidi serji relatati mal-vizzji, filwaqt li tippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħtu permezz ta’ avvenimenti edukattivi, kulturali u sportivi għall-komunità.

Matul iż-żjara tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, iltaqa’ mar-residenti u mat-tim professjonali ta’ din il-fondazzjoni fejn seta’ josserva mill-qrib ix-xogħol siewi u sensittiv li jwettqu sabiex jgħinu lil dawn il-persuni li għaddejjin minn żmien diffiċli f’ħajjithom …u jerġgħu iqumu fuq saqajhom.

F”laqgħa li kellu mat-tmexxija tal-Fondazzjoni ġew diskussi diversi temi importanti fosthom il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi u investiment fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni, l-importanza ta’ edukazzjoni fil-komunita, kif ukoll l-isfidi li qed taffaċċja l-fondazzjoni hekk kif id-domanda għas-servizz dejjem qed tikber.

Min-naħa tiegħu, Alex Borg enfasizza li s-saħħa mentali u r-riabilitazzjoni għandhom ikunu prijorità nazzjonali. U sostna li Għawdex għandu jkollu l-għodda u r-riorsi kollha meħtieġa biex joffri servizzi ta’ kwalità lil min għandu bżonn l-għajnuna.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista u kandidat Beppe Galea, u l-Kandidat tal-PN Luke Said.