Fil-Qorti, beda l-każ fil-konfront ta’ raġel ta’ 43 sena minn Birżebbuġa li jinsab akkużat bl-istupru fuq mara li tgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far…wara li din irrifjutat li tidħol f’relazzjoni miegħu.
Bl-aggressur, allegatament jgħid lill-vittma li setgħet tgħajjat u twerżaq kemm trid, għaliex ħadd ma kien se jismaha.
Ir-raġel qed jiġi akkużat li lissen dawn il-kliem qabel l-istupru: “Il-klieb se jagħmlu għalik jekk tipprova taħrab”.
Quddiem il-Maġistart Anne Marie Thake, l-Ispettur Antonello Magri qal li fit-18 ta’ Marzu, il-mara rrappurtat fl-għassa ta’ Birżebbuġa li kienet ġiet stuprata madwar seba’ xhur qabel.
Mal-pulizija qalet li saret taf lill-imputat fil-post fejn tieqaf tal-linja f’Ħal Far, fejn allegatament staqsiha biex tkun il-maħbuba tiegħu.
Wara li rrifjutat, hu allegatament ħadha fil-garaxx tiegħu u stupraha.
ara dan, ir-raġel baqa’ jsegwiha u jheddidha – b’xi drabi kien anke jwaqqaf il-karozza tiegħu u jħeġġiġha tidħol fiha. Żiedet ukoll li kienet tirċievi telefonati minn numri anonimi.
Il-vittma spjegat li damet biex tirrapurta l-każ minħabba biża’ u diffikultà biex titkellem.
Madanakollu qalet li fittxet l-għajnuna miċ-Ċentru ta’ Ħal Far, fejn kienet tgħix – iżda qalulha li peress li l-inċident ma seħħx fiċ-ċentru, ma setgħux jgħinuha.
Il-Qorti semgħet ukoll li l-vittma kienet tidħol fil-karozza minħabba biża’. Ammettiet ukoll li f’ħin minnhom ħadet madwar €1,000 mingħandu.
Fix-xhieda, tal-Ispettur Marshall Mallia ħareġ li l-vittma identifikat lill-aggressur u tat dettalji dwar il-vettura tiegħu.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Wayne Buhagiar, Marshall Mallia u Antonello Magri, flimkien mal-avukat Jurgen Dalli mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat difensur Franco Debono qed jidher għall-akkużat.


