Lokali Qorti

Karozzi bħala garanzija u allegazzjonijiet ta’ theddid: ikompli jinstema’ l-każ kontra l-familja Pace

Quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco xehdet mara, li mill-bidunett irrifjutat li tkompli bix-xhieda tagħha fuq il-każ tal-familja Pace – u l-istejjer ta’ użura u ħasil ta’ flus illi ħarġu fil-beraħ fl-aħħar ġimgħat.

Din il-mara spjegat li l-każ kien marbut ma’ episodji li seħħew fl-2023 u li skont hi, il-kwistjonijiet kienu ġew solvuti permezz ta’ kawża oħra quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

Hi insistiet li ma xtaqitx tixhed biex ma toħloqx problemi ġodda. Iżda l-Qorti infurmatha li ma setgħetx tagħżel li ma tixhidx.

Fil-Qorti, din il-mara qalet li kellha bżonn ammont ta’ flus u li nqala’ nuqqas ta’ qbil dwar l-interessi. Hawn il-mara reġgħet bdiet tikkustinja li ma riditx tixhed – tant li l-Ġimgħa, il-pulizija resquha b’mandat biex tixhed.

Il-pulizija spjegat li l-mara naqset milli tidher quddiem il-Qorti biex tixhed darbtejn u b’hekk kellu jinħareġ mandat. Ix-xhud baqgħet targumenta mal-Qorti, bil-Maġistrat Lanfranco twissiha dwar il-konsegwenzi tal-imġiba tagħha.

Ix-xhud talbet li terġa’ tixhed fil-preżenza ta’ avukat, iżda l-Qorti ċaħdet din it-talba wara li l-prosekuzzjoni kkonfermat li ma kien hemm l-ebda proċeduri pendenti kontriha.

Wara diversi battibekki, ix-xhud qalet li kienet issellfet €1,000 mingħand Keith Pace f’Awwissu tal-2022, li kellhom jitħallsu lura b’€50 kuljum – fuq perjodu ta’ erba’ ġimgħat.

Hija ammettiet li ma rnexxilhiex tħallas lura s-self fil-ħin, u li dan wassal għal argumenti u komunikazzjoni kontinwa bejnha u membri tal-familja Pace. U spiċċat kellha tagħti l-karozza tagħha li kienet tiswa €3,250.

Madankollu, il-prosekuzzjoni indikat li l-ammont involut seta’ kien ferm ogħla, għaliex mal-pulizija hija qalet li l-karozza kienet tiswa €8,500.

Hawn ix-xhud biddlet il-verżjoni u qalet li l-ewwel €1,000 li kienet talbet lil Keith Pace kienet ħallsithom u aktar tard talbitu €2,500 oħra. Meta dawn tal-aħħar ma bdiet tħallashom lura lil Pace, ħadulha n-numru tal-pjanċi tal-karozza li kellha l-ogħla valur.

Hi xehdet li meta bdiet tħallas il-flus lura lil Keith, ibnu Carlos Pace mar għandha bil-lejl u taha lura l-pjanci.

Ix-xhud qalet li l-inkwiet beda meta Carlos Pace beda juża l-vettura li l-familja kienet ħadet minflok l-€1,000. Mitluba tispjega aktar fid-dettall, il-mara qalet li bdew icemplulha l-Pulizija iżda hawn mill-ġdid reġgħet qabdet targumenta li ma tridx tkompli tixhed.

Il-Maġistrat Lanfranco waqfet ix-xhieda tagħha u ordnat li x-xhud tinżamm fil-lock-up tal-Qorti sakemm tikkalma.

Intant, il-proceduri komplew b’diversi xhieda oħra li taw it-testimonjanza tagħhom dwar diversi każijiet separarti li fihom kienet involuta l-familja Pace.