Mario Bonello kien ikkonfermat bħala President ta’ Athletics Malta għall-erba’ snin li ġejjin. Dan se jkun l-ewwel terminu sħiħ tiegħu wara li oriġinarjament inħatar fil-kariga waqt laqgħa ġenerali straordinarja f’Awwissu li għadda. Antonella Chouhal kienet ukoll ikkonfermata bħala Segretarju Ġenerali, biż-żewġ rwoli ma jkunux ikkontestati.
It-tim eżekuttiv kien ikkompletat minn Stefania Cilia Caligari, li ġiet eletta bħala Teżorier minflok Darren Micallef li ħalla l-Kunsill wara ħames snin f’din il-kariga. Barra minn dawn, Alan Camilleri, Karl Farrugia, Alan Zammit, John Attard Kingswell u Tiziana Zammit kienu eletti bħala membri tal-Kunsill.
F’indirizz waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, Mario Bonello qal li matul l-aħħar sena l-amministrazzjoni ta’ Athletics Malta ffukat fuq it-tisħiħ tal-istrutturi, is-sostenibbiltà tal-federazzjoni, żieda fil-viżibilità u b’mod ġenerali li jissaħħu l-pedamenti tal-federazzjoni. Huwa nnota kif Athletics Malta organizzat 26 avveniment fit-trakka u appoġġjat aktar minn 60 tellieqa fit-triq matul is-sena, bil-parteċipazzjoni dejjem tikber. Tkellem ukoll dwar l-investiment li sar fi programmi għaż-żgħażagħ, edukazzjoni u ħarsien, kif ukoll investiment infrastrutturali.
B’ħarsa ‘l quddiem, Bonello tkellem dwar l-importanza tat-tħejjija għall-Malta Youth International Athletics Festival fis-sajf li ġej kif ukoll il-Logħob taż-Żgħażagħ tal-Commonwealth is-sena d-dieħla li se jħallu legat għal dan l-isport.
Is-Segretarju Ġenerali Antonella Chouhal preżentat ir-rapport amministrattiv u indikat l-attivitajiet ewlenin tal-federazzjoni u rrimarkat dwar is-suċċess ta’ numru ta’ atleti Maltin barra l-pajjiż. F’isem il-Kunsill, hija esprimiet l-apprezzament għall-ħidma sfiqa ta’ żewġ membri tal-Kunsill li kienu qed itemmu l-kariga tagħhom, Darren Micallef u Vince Farrugia.
Matul il-laqgħa, il-membri vvutaw ukoll favur serje ta’ emendi għall-Istatut, li għandhom l-għan li jsaħħu l-assoċjazzjoni fid-dawl tar-realtajiet tal-isport tal-lum, kif ukoll biex issaħħaħ il-governanza u l-qafas organizzattiv.
//= $special ?>

