Srinivas Maskanti, ta’ 45 sena, u Kazamuinoddin Mohammad, ta’ 44 sena, żewġ ċittadini Indjani li jgħixu Birkirkara, tressqu l-Qorti akkużati li aggredixxew raġel b’pressure cooker u kkawżawlu ġrieħi serji waqt inċident li allegatament seħħ fis-7 ta’ April għall-ħabta tal-9:45pm.
Skont l-akkużi ppreżentati fil-Qorti, l-imputati allegatament attakkaw lill-vittma u kkawżawlu ġrieħi gravi fuq ġismu, kif iċċertifikat minn professjonist mediku. Il-prosekuzzjoni qalet li l-vittma kien ġewwa jew qrib ir-residenza tiegħu waqt l-inċident.
Iż-żewġ irġiel huma wkoll akkużati li aġixxew flimkien b’mod vjolenti, fejn allegatament ikkawżaw kemm ħsara fiżika kif ukoll psikoloġika lill-vittma. Akkużi oħra jinkludu ħsara lill-proprjetà tal-vittma jew ta’ oħrajn, b’valur li jaqbeż il-€250 iżda ma jaqbiżx €2,500.
Il-Qorti semgħet ukoll li l-imputati allegatament heddew u insultaw lill-vittma, kif ukoll kisru l-paċi pubblika waqt l-inċident.
Matul il-proċeduri, l-imputati wieġbu mhux ħatja u d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest. Madankollu, il-Qorti ċaħdet din it-talba u ordnat li ż-żewġ imputati jibqgħu taħt arrest sakemm ikomplu l-proċeduri.
Għall-imputati dehru l-avukati Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ylenia Xerri u l-avukat Celina Fenech mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>

