Il-Ħamis filgħaxija tkompliet il-fażi tan-Knock-Out tal-UEFA Europa League. Aston Villa urew l-aħjar tagħhom meta f’Stadio Renato Dell’Ara, huma rebħu l-ewwel leg kontra Bologna bl-iskor finali ta’ 3-1.
Fil-verità, din kienet partita fejn rajna bilanċ bejn iż-żewġ timijiet iżda l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Unai Emery, sfruttaw l-opportunitajiet ta’ skor li ġew fuq in-naħa tagħhom.
Ftit qabel il-mistrieħ, id-difensur Ezri Konsa fetaħ l-iskor għat-tim Ingliż u sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, l-attakkant ta’ 30 sena, Ollie Watkins irdoppja għal Aston Villa. Madankollu, Bologna rrnexxilhom inaqsu l-iskor fid-90 minuta għal 2-1 meta kien Jonathan Rowe li skorja għat-tim Taljan.
Erba’ minuti fuq id-90 minuta, Aston Villa reġgħu skorjaw, u kien mill-ġdid Watkins li għaqqad doppjeta personali għal skor finali ta’ 3-1.
Porto u Nottingham Forest temmew fi draw ta’ 1-1. Għalkemm il-Portugiżi kellhom ftit aktar mil-logħob milli kellhom l-avversarji Ingliżi, l-iskwadra taħt il-gwida teknika ta’ Francesco Farioli tilfet ċansijet ta’ skor li bihom setgħu rebħu. Kienu Porto l-ewwel li skorjaw permezz tal-Brażiljan ta’ 20 sena, William Gomez.
Madankollu, żewġ minuti biss wara, Nottingham Forest skorjaw id-draw minn auto-gowl ta’ Martim Fernandes.
Freiburg kienu konvinċenti f’darhom stess, meta huma għelbu lil Celta Vigo 3-0. B’din ir-rebħa, il-Ġermaniżi għandhom kważi sieq waħda fl-istadju li jmiss tal-UEFA Europa League.
Il-midfielder Taljan ta’ 33 sena, Vincenzo Grifo skorja l-ewwel fil-logħba meta fl-10 minuta skorja l-gowl tal-vantaġġ minn assist ta’ Johan Manzambi. Dan tal-aħħar reġa’ kien determinanti fl-azzjoni li waslet għat-tieni gowl ta’ Freiburg meta fit-32 minuta għadda l-ballun lil Jan-Niklas Beste, bid-difensur Ġermaniż ikkonkluda fix-xibka avversarja għal skor ta’ 2-0.
Fit-78 minuta reġa’ kien difensur ieħor ta’ Freiburg li skorja l-gowl tat-3-0, b’azzjoni konkluża b’suċċess minn Matthias Ginter.
//= $special ?>

