Albert Buttigieg
Shadow Minister
għall-Protezzjoni tat-Tfal u n-Newrodiverġenza
Fl-istess waqt, iżda ma nistax ma nesprimix it-tħassib tiegħi fid-dawl mhux biss ta’ rapport li ħareġ riċntement id-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni li ġie mgħoddi lill-Kumitat tal-Familja fil-Parlament Malti imma wkoll dwar numru ta’ kummenti li saru fil-midja fuq dawn iċ-ċentri.
Fil-fatt, kien hemm kummenti anke minn esperti li saħanistra wissew li s-sistema taċ-childcare f’Malta hija mfassla b’mod aktar li żżid il-parteċpazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol milli li tqis l-ewwel u qabel kollox l-interessi tat-tfal u l-iżvilupp tagħhom.
Skont ir-rapport tal-Gvern stess, f’70% tal-ispezzjonijiet li saru fl-2023, instab li kien hemm diversi irregolaritajiet, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm għandu jkun hemm carers assenjati għal kull tiflel jew tifla li jattendu dawn iċ-ċentri.
Irregolaritajiet oħra li jsemmi r-rapport jinkludu tfal li jinżammu bilqiegħda għal ħinijiet twal, carers li jkollhom biss livelli bażiku ta’ edukazzjoni u turnover qawwi tal-istaff f’dawn iċ-ċentri.
Jekk verament għandna għal qalbna l-ġid ta’ dawn it-tfal, allura hemm bżonn li jittieħdu l-passi neċessarji biex ikun żgurat li waqt li l-ġenituri jmorru jaħdmu ta’ kuljum, fl-istess waqt dawn il-ġenituri jkollhom serħan il-moħħ li wliedhom jinsabu mhux biss f’post sigur u adattat imma wkoll f’dejn ħaddiema preparati u lit-tfal jingħataw l-attenzjoni meħtiega. Dan jgħodd b’mod speċjali fil-każ ta’ tfal żgħar li jistgħu jintbagħtu f’dawn iċ-ċentri, bħalma huma trabi ta’ tliet xhur (12-il ġimgħa).
F’dan il-kuntest, tajjeb li ngħid li mhux biss tajjeb li jkun hemm infurzar tal-policies attwali imma anke li jitjiebu l-istandards li jipprovdu livell ta’ kwalità ogħla f’dawn iċ-ċentri, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-infrastruttura fiżika – b’aktar spazji miftuħa u akbar f’dawn iċ-ċentri, imma anke mill-aspett tal-kwalità fis-servizz u t-taħriġ tal-ħaddiema.
Bħala deputat kelliem għal well-being tat-tfal u n-newrodiverġenza u bħala persuna li nħobb inkun pro-attiv, qiegħed inwassal numru ta’ proposti li xi wħud minnhom diġà l-PN tkellem dwarhom. Nemmen li bil-kollaborazzjoni mal-kollegi l-oħra, b’mod partikolari mal-kollega Justin Schembri, Kelliem għal edukazzjoni, nkunu nistgħu naħdmu flimkien fuq dawn il-proposti u oħrajn:
Aktar għajnuna finanzi biex ikun hemm investiment aħjar fl-infrastruttura fiżika ta’ dawn iċ-ċentri u allura jkun hemm standards aktar għolja fejn jidħlu l-bini u l-istrutturi taċ-ċentri, b’mod partikolari għal applikazzjonijiet ġodda;
Filwaqt li jingħataw inċentivi biex il-ħaddiema attwali jkomplu l-istudju ħalli jkollhom kwalifiki aħjar, il-kors li jwassal biex wieħed jaħdem f’dawn iċ-ċentri jkun jinkludi aktar taħriġ;
Preżentement, numru minn dawn iċ-ċentri ma jilqgħux fihom tfal li għandhom l-esperjenza ta’ newrodiversità.
Għaldaqsant, għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja u taħriġ addizzjonali biex dawn iċ-ċentri jilqgħu wkoll dawn it-tfal;
Fil-każ ta’ dawk il-ġenituri li wara l-maternity leave jibagħtu lil uliedhom jagħżlu li jibqgħu ma’ wli-edhom, il-gvern għandu jgħaddi l-ammont tal-ħlas lilhom minflok. Il-PN diġà ħareġ bil-proposta li jkun hemm ħlas għal sena sħiħa lil dawk li jagħżlu li jibqgħu ma’ wliedhom minflok jibagħtuhom f’Childcare Centre;
Jingħataw ukoll inċentivi finanzjarji biex kumpaniji jkunu jistgħu jħaddmu numru ta’ impjegati ħalli jkollhom dawn iċ-ċentri fuq il-post tax-xogħol stess, jew inkella biex diversi kumpaniji żgħar ikunu jistgħu jingħaqdu flimkien biex jiftħu dawn iċ-ċentri simili. Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jsaħħaħ iċ-Childcare Centres, għax jagħraf li dan kollu huwa investiment fl-ulied li jfisser investiment fil-futur ta’ pajjiżna.
Għaldaqstant, nemmen bis-sħiħ li Childcare Centres filwaqt li jgħinu lil ġenituri biex huma joħorġu jaħdmu, fl-istess waqt huwa importanti li nifhmu li l-ewwel u qabel kollox għandna nieħdu ħsieb l-interessi tat-tfal u li dawn ikunu centri ta’ tagħlim.
Għaldaqstant ejjew nibnu fuq dak li sar u nsaħħu ċ-Childcare Centres billi naraw li dawn jitmexxew skont l-ogħla standards.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

