Joe M. Zahra
Illum ħsibt li nikteb dwar Birżebbuġa, il-lokalità fejn issa ili ngħix għall-aħħar 40 sena. Lokalità sabiħa iżda li nħakmet minn telqa kbira. Lokalità li minn sempliċi post ta’ villeġġatura nbidel f’lokalità residenzjali li llum kibret ħafna u magħha kibru l-ħtiġiet u l-problemi tar-residenti.
Il-kitba tiegħi ġiet ispirata wara li qrajt x’qal il-Prim Ministru Robert Abela meta laqqa’ l-mezzi tax-xandir fil-Kumpless Sportiv ta’ Marsa biex ifakkar ir-raba’ anniversarju mill-aħħar rebħa elettorali Laburista. Laqtuni l-iskużi li ġab biex juri għaliex proġetti maħsuba biex jagħtu iktar nifs liċ-ċittadin wara li kienu mwiegħda fil-programm elettorali tal-Partit Laburista ma twettqux. Dawn kienu jinkludu tlieta ewlenin:
• Il-proġett ta’ Triq Sant’Anna l-Furjana li kellha tinbidel f’zona pedonali bit-traffiku jgħaddi minn mina taħt it-triq. Din ma saritx. Mhux hekk biss talli l-unika xi ħaġa li ser issir hi li jiġu restawrati l-arkati. U r-residenti tal-Furjana jibqgħu jgħaddu biss minn taħt l-arkati!
• Il-proġett biex it-triq ewlenija San Ġwann tiġi mibdula f’żona pedonali bit-triq hawnhekk ukoll tgħaddi minn taħt. S’issa ma sar xejn. Ir-raġuni li ta Robert Abela hi li qed isiru diskussjonijiet mar-residenti. Possibbli li kważi wara ħames snin li saret din il-wegħda dawn l-imberkin diskussjonijiet ma ġewx finalizzati. Għadhom għaddejjin.
• Il-proġett ta’ barra l-mini ta’ Santa Venera fejn kellha tissaqqaf it-triq biex jinħoloq spazju miftuħ li anke jgħaqqa iż-żewġ naħat ta’ Santa Venera. Skont Robert Abela l-iskuża għaliex dan il-proġett għadu ma twettaqx hi għaliex l-ewwel irid jitlesta l-ewwel il-proġett tal-Imsida.
Bajja s-Sabiħa
Lura għal Birżebbuġa. Għadhom kif għaddew id-drenaġġ fil-Bajja s-Sabiħa. Xhur diżastrużi għar-residenti. Xogħol li jsir u jerġa’ jinqala’. Xogħol li fisser diżastru ikbar għan-negozji. Min ħadem ħalla l-bankini mkissra kollha. Fetħuha minn diversi bnadi biex għaddew meded tad-drenaġġ tad-djar u ħallew kollox kif kien. Timxi fuq din il-bankina trid toqgħod b’seba’ mitt elf għajn li ma tiksirx saqajk. Issa meta jweġġa’ xi ħadd u jfittixhom għad-danni forsi jirranġawha din il-bankina li minnha jgħaddu eluf ta’ nies!
In-naħa l-oħra fil-bajja ta’ San Ġorġ qalgħu l-bankina biex għamlu xi xogħlijiet u flok reġgħu qegħdu l-blokki tal-pavimentar għattew kollox bil-konkos ‘stencilled’. Xogħol li jsir u jerġa’ jinqala’ għaliex milli jidher l-id il-leminija ma tkunx taf x’qed tagħmel ix-xellugija. Kollox b’nofs qalb.
Birżebbuġa ġiet imwegħda ħafna. Fil-Programm Elettorali li bih rebaħ l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista hemm diversi wegħdi.
• Wegħda 445: xogħol ta’ manutenzjoni u fejn meħtieġ bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ San Ġorġ.
• Wegħda 448: B’konsultazzjoni mar-residenti jkun ;ppreżentat pjan finali għat-trasformazzjoni tas-sit tax-Shell fi spazju li jkun jista’ jitgawda mill-familji.
• Wegħda 449: Il-pont tax-Shell isirlu manutenzjoni, jiġi rinovat sabiex jitneħħa l-periklu u jinbidel fi spazju miftuħ għar-rekreazzjoni b’aċċess ġdid għall-għawm għall-familji.
• Wegħda 451: Iz-zona fejn jinħażen il-fuwil f’Wied Dalam tinbidel f’post li jkun jista’ jitgawda mir-residenti tal-madwar.
• Wegħda 453: Ir-riġenerazzjoni tas-sit ta’ San Luċjan fejn kien jinħażen iż-żejt biex ikun trasformat f’Sustainable Innovation Hub.
Wegħdi u iktar wegħdi
Barra dawn il-wegħdi li jidhru fil-Programm Elettorali saru diversi oħrajn. Bħala parti mill-proġett tal-promenade, li tajjeb infakkar li kien inbena minn Gvern Nazzjonalista u li Gvernijiet Laburisti ħallewh f’telqa’ għal 14-il sena sħaħ, jinkludi ħames spazji miftuħa u lane għar-roti. 50,000 metru kwadru ta’ spazju pubbliku. Post ġdid għall-parkeġġ, Solar canopies. Ġibjuni tal-ilma biex jilqgħu l-ilma tat-toroq. Boatyard sostenibbli. Integrazzjoni ta’ assi storiċi b’zoni mmaġinati mill-ġdid madwar Ta’ Pinto Battery, il-kappella ta’ San Ġorġ u l-Kappella ta’ Sidtna Marija Għajnuna tal-Insara.
Darba qiegħed fuq il-wegħdi tajjeb infakkar f’wegħda numru 450 li tgħid li jinbena mill-ġdid il-breakwater ta’ Marsaxlokk min-naħa ta’ Delimara bil-għan li l-port tas-sajjieda jkun dejjem iktar kenni mill-maltemp. Forsi li kieku dik il-wegħda nżammet il-bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa ma kenitx tintlaqat b’daqshekk qilla kif inlaqtet fl-aħħar matempata kbira li laqtet il-gżejjer Maltin. Kieku forsi ma kienx ikun hemm daqshekk ħsara.
Skont Robert Abela l-proġett tal-promenade ta’ Birżebbuġa kien ieħor li jipprova li l-Gvern kien qed jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Allaħares ir-residenti biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar kellhom jistennew il-proġetti mwegħda mill-gvern Laburista!
Nemmen li ebda lokalità oħra ma saritilha daqshekk wegħdi. Wegħdi li ma twettqux għaliex dan hu Gvern ta’ ħafna wegħdi li minnhom jispiċċa ma jwettaq xejn. Kliem biss u proġetti xejn!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 10 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

