Tliet membri tas-Soċjetà Domus Pius IX f’Bormla bħalissa qed jirrappreżentaw lil Malta f’simpożju internazzjonali li qed isir Tarragona, fir-reġjun tal-Costa Daurada fi Spanja. Ian Busuttil, Teddy Stivala u Lawrence Hili ġew mistiedna mill-Coordinadora Internacional de Entidades de Alfombristas de Arte Efímero (CIDAE) biex jieħdu sehem fl-International Symposium 2026 – International Meeting of Carpet Makers.
Matul l-avveniment, il-parteċipanti Maltin qed jippreżentaw dimostrazzjonijiet ta’ arti effimera, fosthom xogħlijiet maħduma bil-melħ u ross ikkulurit, quddiem udjenza internazzjonali. L-inizjattiva hija parti minn sforzi sabiex din l-arti tiġi rikonoxxuta mill-UNESCO bħala wirt kulturali intanġibbli tal-umanità.
It-tielet laqgħa internazzjonali ta’ dawk li jagħmlu t-twapet artistiċi u infjorati (Meeting of Carpet Makers) f’Bellvei bdiet kmieni illum (Sibt 11 April 2026). Aktar minn 180 parteċipant minn 15-il pajjiż qed jaħdmu flimkien fit-triq lejn l-UNESCO. Ian Busuttil flimkien bl-assitenza ta’ Teddy Stivala u Lawrence Hili (artisiti minn ta Domus Pius IX – Bormla) se jkunu qed jagħmlu pittura (portrait) bil-melħ ikkulurit taċ-ċellist Pau Casals, b’daqs ta’ 120cm b’90cm. Dan ix-xogħol se jkun parti minn tapit f’forma ta’ vjolinċell (infjorata artistika) li jkejjel 520cm b’300cm.
Is-Soċjetà Domus Pius IX hija magħrufa għall-Mejda tal-Appostli u għall-presepju tal-Ġimgħa l-Kbira, (mgħarufa bħala “Il-Golgota”) f’Bormla, kif ukoll għall-wirja ta’ arti effimera li torganizza kull sena matul dan il-perjodu.
Din is-sena s-soċjetà qed tfakkar il-mitt anniversarju mit-twaqqif tagħha. Fil-passat, id-Domus kien ċentru kulturali u soċjali importanti fil-Kottonera, b’attivitajiet li kienu jinkludu teatru, billiards, darts u anke tim tal-futbol. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, storja ta’ mitt sena qed tiġi dokumentata f’pubblikazzjoni mill-awtur u kritiku tal-arti E.V. Borg, bl-għajnuna ta’ David Cioffi (Direttur tal-Mejda). Il-ktieb mistenni joħroġ fix-xhur li ġejjin.
Is-soċjetà qed tħares ukoll lejn il-futur, bil-għan li tkompli tippromwovi l-arti effimera fuq livell internazzjonali u tiftaħ skola ddedikata għal din l-arti f’Bormla.
//= $special ?>

