“Kemm qed idum pazjent biex jarah speċjalista u biex joperah mingħajr ma’ nċemplu lil dak u lill-ieħor Ministru? Il-pazjent għandu jkompli jieħu l-aqwa u l-aħjar kura b’xejn.”
Dan huwa kliem l-eks Membru Parlamentari Laburista Silvio Grixti b’risposta ta’ post tal-Ministru Jo Etienne Abela fuq il-midja soċjali. B’dan l-attakk minn naħa ta’ Grixti jkompli ma dak li għamel Neville Gafa aktar kmieni dan ix-xahar hekk kif fuq il-blog tiegħu qal li filwaqt li l-Ministru Jo Etienne Abela mar “jippoppa sidru”, anzjani li lanqas jifilħu jagħmlu pass qed jirċievu appuntament għall-clinics tal-Isptar Mater Dei għal Frar tas-sena 2027.
Fil-post tiegħu, Silvio Grixti saqsa wkoll kemm qed idumu l-pazjenti biex jieħdu test ta’ rutina anke meta jkunu urġenti. Dan hekk kif fl-aħħar xhur numru ta’ persuni li tkellmu ma’ Net News spjegawlna li tant qed idumu jistennew appuntament li saħansitra jkollhom immorru privat biex jinqdew.
Apparti minn hekk, l-eks Membru Parlamentari tal-Labour aċċenna li l-Ministru Jo Etienne Abela qed jgħix fi sfera kompletament differenti. Kompla jgħid ukoll li r-realtà hi tal-pazjent li m’għandu lil ħadd jidderiġieh.
Silvio Grixti temm jgħid li din mhix kwistjoni ta’ kulur politiku iżda kwistjoni leġittima li pazjent għandu jkompli jieħu l-aqwa u l-aħjar kura b’xejn.



