“Hekk verament il-Prim Ministru u l-Gvern tiegħu jridu Malta Aqwa, ħallulna l-ispazji pubbliċi għall-familji u t-tfal tagħna”
Kien dan l appell li wasslu r residenti tal-Mellieħa meta nġabru fi protesta fiż-żona Tas-Salib sabiex jipprotestaw żvilupp ta’ binja li se tkun tikkonsisti fi 28 appartament, u guesthouse bi 12-il garaxx taħt l-art, 21 car space, pool, spa, gym, bar u zona għall-breakfast u li se tkun qed tinbena f’art verġni.
NetNews kien prezenti għal din il-protesta fil-Mellieħa u li għaliha ma kien preżenti l-ebda kunsillier laburista u wisq anqas membri parlamentari tal-Gvern Laburista.
Jindirizza l-protesta kien is-Sindku Nazzjonalista tal-Mellieħa Gabriel Micallef, li f’kummenti li ta lil Net News spjega li kien il-kunsill li bagħat numu ta’ ittri lill-Prim Ministru li ġew injorati filwaqt li fetaħ petizzjoni kontra dan l-iżvilupp.
Minn naħa tiegħu, il-Viċi Sindku Indipendenti Matthew Borg Cuschieri, f’messaġġ ta’ kritika li wassal iddikjara, li jekk verament il-Gvern irid Malta Aqwa kif qed jgħid, il-lokalitajiet il-familji u s-saħħa tar-residenti għandhom jiġu l-ewwel.
Intant, is-Sindku Nazzjonalista, Gabriel Micallef fetaħ petizzjoni parlamentari fejn talab sabiex art fiż-zona Tas-Salib, minflok tingħata lill-iżviluppaturi għal guesthouse u numru ta’ appartamenti u garaxxijiet issir spazju miftuħ għall-pubbliku.
Din il-petizzjoni qed tiġi mbuttata wkoll mir-residenti tal-Mellieħa li kienu preżenti jipprotestaw dan l-iżvilupp.




