Sport Waterpolo

Id-determinazzjoni Maltija tegħleb ir-reżiljenza Arġentina … imiss konfront kontra l-Brażil

MALTA…………… 16

ARĠENTINA….. 15

(3-3), (5-4), (4-4), (4-4)

F’logħba missielta, it-tim nazzjonali Malti kiseb rebħa fenomenali fuq l-Arġentina b’distakk ta’ gowl. Minkejja li s-selezzjoni Maltija hi nieqsa minn diversi plejers li lagħbu fil-Kampjonat Ewropew, dan it-turnew qed iservi ta’ esperjenza għal diversi plejers żgħażagħ u logħbiet ta’ dan it-tip mhux eċċezzjoni.

B’din ir-rebħa, Malta avvanza fil-faxxa bejn id-disa’ u s-16-il post u issa ċerta minn tal-anqas it-12-il post. L-impenn li jmiss hu l-Ħadd fis-7.30pm kontra l-Brażil. F’każ ta’ rebħa, Malta tilgħab għad-disa’ u l-għaxar post u f’każ ta’ telfa, il-Maltin jilagħbu għall-11 u t-12-il post.

Bidu tajjeb għat-tim Malti li fetaħ vantaġġ ta’ tliet gowls sal-ewwel tliet minuti tal-logħba permezz ta’ doppjetta ta’ Ivan Nagaev u gowl bejniethom ta’ Luigi Dimech. Reazzjoni immedjata tal-Arġentina li sa tmiem is-sessjoni rkupraw id-distakk.

It-tieni sessjoni kienet aktar missielta u kkaratterizzata minn botta u risposta. L-Arġentina saħansitra ġabet id-draw tliet darbiet sakemm gowl minn man-up ta’ Darren Zammit minuta minn tmiem is-sessjoni, poġġiet lil Malta 8-7 minn fuq.

It-tim ta’ Milan Cirovic irnexxielu jibni distakk minimu fit-tielet sessjoni u sa tliet minuti minn tmiem is-sessjoni l-vantaġġ kien 12-9. Iżda r-reżiljenza tal-Arġentina naqqset id-distakk għal gowl qabel il-bidu tal-aħħar sessjoni. F’din is-sessjoni, il-kowċ tal-Arġentina Juan Pablo Giri tilef tliet plejers li kollha tkeċċew b’sostituzzjoni. Malta tilef lil Finn Bugelli.

Il-pass deċiżiv għar-rebħa sar fl-ewwel nofs tal-aħħar sessjoni. Permezz ta’ gowls minn Benji Cachia, Elijah Schembri, Ivan Nagaev u Luigi Dimech poġġew lil Malta 16-12. Ħafna ħasbu li r-rebħa kienet aċċertata iżda l-Arġentina baqgħet tittama u reġgħet daħlet fil-logħba u sal-aħħar minuta d-distakk kien ta’ gowl biss. Madankollu l-plejers Maltin żammew sod għal rebħa importanti.

Malta: N. Grixti, E. Schembri (2), J. Valletta (1), J. Zerafa Gregory, J. Cachia (1), B. Cachia (1), R. Bugelli, I. Nagaev (7), J. Abela (1), F. Bugelli, D. Zammit (1), L. Dimech (2), Z. Dzanovic, S. Engerer

Arġentina: N. Fernandez, R. Veich (3), T. Galimberti, T. Tilatti (4), N. Leona (2), T. Echenique (1), A. Mazzoni (1), G. Poggi, C. Camnasio (3), I. Lucero, T. Deluca, T. Soler (1), O. Salas, S. Rivera

Referees: Hendrik Schopp (Ġermanja), Sinisa Matijasevic (Montenegro)