Sport Sport Ieħor

It-tim nazzjonali Malti tal-Futsal idawwar telfa f’rebħa kontra l-Iskozja

It-tim nazzjonali Malti dawwar telfa f’rebħa lejn it-tmiem biex kiseb l-ewwel rebħa fl-aħħar logħba minn Grupp A mir-Rawnd Preliminari tal-Fażi ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Malta rebħet 4-3 kontra l-Iskozja bl-eroj ikun Maicon da Silva li kien fost l-aktar attivi fil-logħba u kkontribwixxa fil-gowls Maltin.

Fl-aħħar jiem, it-tim ta’ Roberto Menichelli kien ġej minn telfa kontra l-organizzaturi d-Danimarka 5-1 u telfa kontra Andorra 5-0, biż-żewġ nazzjonijiet ikkwalifikaw għall-fażi li jmiss. Għaldaqstant din ir-rebħa kienet importanti għaliex fissret l-ewwel rebħa fl-istorja waqt fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.

L-Iskozja fetħet l-iskor lejn nofs l-ewwel taqsima meta minn ballun fit-tul tal-gowlkiper Skoċċiż, Marrwan Telisi xellef il-ballun wara Ryan Marmara għal awto-gowl sfortunat. Reazzjoni immedjata mit-tim Malti li madwar minuta u nofs wara ġab id-draw b’azzjoni personali ta’ Nathan Cope.

L-Iskoċċiżi reġgħu marru fil-vantaġġ fir-raba’ minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Din id-darba kien Kai Lawless li b’xutt b’saħħtu min-naħa xellugija għeleb lil Marmara. Malta ġabet id-draw fit-28 minuta bi kross mil-lemin ta’ Maicon da Silva għan-nofs lejn Celino Alves li xeħet fix-xibka mill-qrib.

Il-plejers Maltin reġgħu kienu kostretti jiġru wara r-riżultat ftit sekondi wara. F’gowl identiku għall-ewwel wieħed, ballun fit-tul ta’ Ben O’Hanlon indirizzat lejn il-lasta sab lil Chris Angus li skorja b’daqqa ta’ ras.

Kien għad fadal nofs taqsima x’tintlagħab. It-tim Malti tefa’ kollox fuq l-attakk u saħansitra għamlu użu mill-fying keeper. L-isforzi Maltin wasslu biex għat-tielet darba l-iskor sar indaqs żewġ minuti u nofs mit-tmiem. Maicon da Silva żmarka tajjeb lil Marrwan Telisi u ma kellux problema biex skorja mill-viċin.

Fl-aħħar sekondi, l-Iskozja pruvat tirbaħ il-logħba u wkoll għamlet użu mill-fying keeper fl-attentat li jkollhom plejer ieħor fl-attakk. Madankollu t-tim Malti skorja l-gowl tar-rebħa minuta u 15-il sekonda mit-tmiem u kien Maicon da Silva li rebaħ ballun minn tliet kwarti u b’intelliġenza xxuttja mill-ewwel fix-xibka.

Tags