Lokali

Kuntatti bejn il-mafja u l-politika – il-media Taljana terġa’ tixħet dwal fuq dak li qed jiġri f’pajjiżna

Analiżi ppubblikata fil-ġurnal 'In-Nazzjon' dalgħodu

Il-każ li tant qajjem għagħa fil-jiem li għaddew tal-Ministru Anton Refalo u r-rabta tiegħu ma’ residenza fil-Qala Għawdex, li fiha allegatament kien qatta’ żmien il-boss Mafjuż Totò Riina, dawwar l-attenzjoni tal-midja Taljana fuq dak li għaddej f’pajjiżna u t-tmexxija tal-Gvern Malti.

Wieħed minn dawn ir-rapporti deher matul din il-ġimgħa fil-gazzetta influwenti ‘La Sicilia’ fejn ingħad li Malta qed tkun użata minn Cosa Nostra biex ‘jinħaslu’ flus illeċiti permezz ta’ kumpaniji varji – li għalkemm huma liċenzjati legalment, huma fil-fatt imexxijin minn individwi mdaħħlin fil-Mafja Siċiljana.

L-artiklu jallega wkoll li hemm kuntatti bejn il-Mafja u l-politika biex ikunu protetti interessi ekonomiċi mafjużi.

Finalment, ir-rapport jgħaqqad saħansitra dawn il-maniġġi man-nies tal-boss mafjuż l-ieħor Matteo Messina Denaro, u jallegaw li għandu konnessjoni mal-famuża kumpanija 17 Black li kienet reġistrata f’Dubaj u li tant issemmiet f’pajjiżna, inkluż mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, fil-kuntest ta’ persuni qrib ferm tal-Partit Laburista.