Sport Sport Ieħor

L-Isla tirbaħ ir-Regatta ta’ Marzu għat-12-il darba … Marsamxett jirbħu Kategorija B

(Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo)

L-Isla huma r-rebbieħa tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu għat-12-il darba fl-istorja. Din ir-Regatta tkompliet illum wara li r-Regatta fil-31 ta’ Marzu kienet ġiet sospiża minħabba l-kundizzjoni tat-temp. Dan is-suċċess ikompli mar-rebħ tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja ta’ Settembru li għadda. F’Kategorija B ħarġu rebbieħa Marsamxett b’konsistenza fit-tlielaq kollha.

Illum fil-Port il-Kbir saru sitt tlielaq. Fil-Kategorija Open saru t-tlielaq tad-Dgħajjes Tal-Pass b’żewġ imqadef, tal-Kajjikki u Tal-Pass b’erba’ mqadef filwaqt li f’Kategorija B saru t-tlielaq Tal-Midalji, Frejgatini u Tal-Pass b’erba’ mqadef. F’Marzu saret ukoll it-tellieqa tan-nisa.

Ħarsa lejn x’seħħ fit-tlielaq tal-lum

Il-ħames tellieqa – Tal-Midalji – Kategorija B

Total ta’ tliet distretti pparteċipaw f’din it-tellieqa wara li Birżebbuġa, l-Isla u l-Kalkara ġew skwalifikati. Bormla permezz ta’ Mattia Calleja, Mel Magro, Lydon Pulis u Yannick Pace kellhom qadfa konsistenti u meritatament qasmu l-linja finali l-ewwel qabel Marsamxett u l-Birgu.

Is-sitt tellieqa – Dgħajjes tal-Pass b’żewġ imqadef – Kategorija A

Id-distrett tal-Isla kiseb it-tieni palju fil-Kategorija Open bi dwell missielet mad-distretti tal-Kottonera. Il-qaddiefa Charvon Gatt u Matthew Micallef għelbu l-isfida ta’ Clive Casha u Noel Bugeja ta’ Bormla u rebħu t-tellieqa f’sitt minuti u seba’ sekondi. Ta’ min wieħed jirrimarka li wara numru ta’ snin, din kienet l-ewwel tellieqa li l-koppja storika Clive Casha u Dennis Thornton ma tellqux flimkien wara li Thornton ingħaqad mal-Birgu.

Is-seba’ tellieqa – Frejgatini – Kategorija B

Din it-tellieqa ħalliet effett fuq il-klassifika finali ta’ Kategorija B u kienet fost l-aktar kontroversjali. Marsamxett rebħu t-tellieqa permezz tal-koppja Rhys Fiteni u Deacon Abela Wilson li spiċċaw it-tellieqa qabel l-Isla u Bormla.

Madankollu Marsamxett ġew skwalifikati minħabba li wieħed mill-qaddiefa deher jaqbeż mid-dgħajsa hekk kif qasmu l-linja finali. Pronta kienet ir-reazzjoni ta’ Marsamxett li pprotestaw fuq il-bażi li l-istess qaddief kellu tal-anqas sieq waħda fid-dgħajsa. Il-protest ġie aċċettat u għalhekk ir-riżultat tat-tellieqa baqa’ jgħodd.

It-tmien tellieqa – Kajjikki – Kategorija A

F’ħin ta’ 6 minuti u 55 sekonda, Bormla kisbu palju importanti tal-ewwel u qabżu fl-ewwel post qabel l-aħħar tellieqa. Maximilian Mamo u Romario Brignone rrepetew is-suċċess ta’ Marzu tas-sena l-oħra wara li rebħu dwell li kellhom ħafna mit-tellieqa mal-qaddiefa ta’ Birżebbuġa. Id-disrett tal-Birgu kkuntenta bil-palju tat-tielet filwaqt li l-Isla ddiżappuntaw.

Id-disa’ tellieqa – Tal-Pass b’erba’ mqadef – Kategorija B

Bormla kellhom bżonn bilfors li jirbħu t-tellieqa tal-Pass b’erba’ Mqadef filwaqt li għal Marsamxett kien biżżejjed it-tieni post. Mill-ewwel mumenti, Marsamxett, il-Birgu u l-Isla kienu fuq quddiem filwaqt li l-qaddiefa ta’ Bormla bdew jinqatgħu minn quddiem.

Marsamxett kienu fuq quddiem għal ħafna mit-tellieqa iżda fl-aħħar fażi l-qaddiefa tal-Birgu daħlu b’saħħithom. Huma naqqsu d-distakk mill-ewwel post tant li meta qasmu l-linja finali kien hemm bżonn il-photo finish minħabba d-distakk minimu. Fid-deċiżjoni finali, Marsamxett ġew konfermati rebbieħa tat-tellieqa f’ħin ta’ 5 minuti u 33 sekonda. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Dirk Attard, Juan Farrugia, Wayne Cassar u Royter Borg.

L-għaxar tellieqa – Tal-Pass b’erba’ mqadef – Kategorija A

Fit-tellieqa deċiżiva, id-dwell prinċipali kien bejn Bormla u l-Isla. Il-Bormliżi bdew tmien punti vantaġġ u għalhekk kellhom bżonn jispiċċaw qabel is-Sengleani. Madankollu ftit qabel qabdu l-Ponta tal-Isla, id-dgħajsa ta’ Bormla dehret tieqaf għal ftit mumenti. Dan wassal biex l-Isla (li sa dak il-ħin kienu fuq quddiem) baqgħu jaqdfu fuq quddiem u b’qadfa konsistenti daħlu l-ewwel. Il-Birgu kkuntentaw bit-tieni post wara li fl-aħħar metri għaddew lil Birżebbuġa.

Klassifika Finali – Kategorija Open

Isla 64 punt, Bormla 48 punt, Birgu 30 punt Birżebbuġa 24 punt,

Klassifika Finali – Kategorija B

Marsamxett 76 punt, Bormla 36 punt, Isla 32 punt, Birgu 28 punt

Riżultati kollha

Tellieqa tan-nisa – Frejgatini

Riżultat – 1. Bormla, 2. Birgu, 3. Isla

L-ewwel tellieqa – Tal-Pass b’żewġ imqadef – Kategorija B

Riżultat – 1. Marsamxett 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Birgu 6 punti

It-tieni tellieqa – Tal-Midalji – Kategorija A

Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Bormla 12-il punt, 3. 6 punti

It-tielet tellieqa – Kajjikki – Kategorija B

Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Marsamxett 8 punti, 3. Isla 4 punti

Ir-raba’ tellieqa – Frejgatini – Kategorija A

Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Birżebbuġa 8 punti, 3. Birgu 4 punti

Il-ħames tellieqa – Tal-Midalji – Kategorija B

Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Marsamxett 12-il punt, 3. Birgu 6 punti

Is-sitt tellieqa – Dgħajjes tal-Pass b’żewġ imqadef – Kategorija A

Riżultat – 1. Isla 20 punt, 2. Bormla 12-il punt, 3. Birgu 6 punti

Is-seba’ tellieqa – Frejgatini – Kategorija B

Riżultat – 1. Marsamxett 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Bormla 4 punti

It-tmien tellieqa – Kajjikki – Kategorija A

Riżultat – 1. Bormla 12-il punt, 2. Birżebbuġa 8 punti, 3. Birgu 4 punti

Id-disa’ tellieqa – Tal-Pass b’erba’ mqadef – Kategorija B

Riżultat – 1. Marsamxett 24 punt, 2. Birgu 16-il punt, 3. Isla 8 punti

L-għaxar tellieqa – Tal-Pass b’erba’ mqadef – Kategorija A

Riżultat – 1. Isla 24 punt, 2. Birgu 16-il punt, 3. Birżebbuġa 8 punti