Rugby Sport

Malta tispiċċa fil-quċċata ta’ Pool D tar-Rugby Europe Conference b’rebħa fuq l-Iżrael

L-era l-ġdida taħt it-tmexxija l-ġdida ta’ Phil Pretorius kompliet bit-triq tar-rebħ bit-tielet rebħa minn tliet logħbiet f’Pool D tar-Rugby Europe Conference. Fit-Tony Bezzina Stadium, Malta ħarġet rebbieħa 50-25 b’vantaġġ tajjeb fl-ewwel taqsima. Dan id-distakk kiber fil-bidu tat-tieni taqsima iżda reazzjoni mill-Iżrael wasslet biex it-tim Malti kellu jwieġeb immedjatament biex ma jitlifx dak li bena.

B’dan ir-riżultat u permezz tal-punti bonus miksuba f’dawn it-tliet logħbiet tal-grupp, Malta spiċċat l-ewwel fil-grupp bi 15-il punt u fost l-oħrajn tistenna r-riżultati tal-Awstrija u l-Lussemburgu biex tara jekk tkunx wieħed miż-żewġ pajjiżi li jilagħbu l-Play-Off għall-Promozzjoni. F’dan il-grupp, Malta kisbet rebħa ta’ 27-8 kontra Ċipru filwaqt li ġimgħa ilu, it-tim nazzjonali rebaħ 44-24 kontra Andorra.

Wara li ż-żewġ nazzjonijiet ikkonvertew penalty kull wieħed, lejn nofs l-ewwel taqsima Malta skorjat try permezz ta’ George Strickland u conversion ta’ Christopher Dudman għal vantaġġ ta’ 10-3. Jack Scher naqqas id-distakk għal erba’ punti bi drop goal minn pożizzjoni ċentrali għalkemm mid-distanza iżda t-tim Malti wieġeb bl-aħjar mod ftit qabel il-mistrieħ.

L-ewwel kien John Connolly li sab spazju biex għadda bil-ballun wara l-linja u ftit wara kien Ryan Connolly li ġera fl-ispazju għal try faċli. Permezz ta’ conversion ta’ Dudman wara t-try ta’ John Connolly, Malta daħlet tistrieħ 22-6.

Dan id-distakk kompla jikber fil-bidu tat-tieni taqsima bi try ieħor wara li Brendan Dalton għadda lejn Rory O’Brien u b’conversion ta’ Dudman, il-vantaġġ kiber għal 29-6. L-istess plejer kabbar il-vantaġġ għal Malta ħames minuti wara b’ġirja twila wara żball fl-attakk ta’ Iżrael. Conversion oħra ta’ Dudman għamlet l-iskor 36-6.

Sa hawn kollox deher faċli iżda bejn il-50 u s-60 minuta l-Iżrael naqqsu d-distakk u tefgħu ftit pressjoni fuq it-tim Malti. It-tries tal-avversarji kollha ġew fuq in-naħa leminijia tal-attakk tagħhom permezz ta’ Daniel Goldberg, Yurii Oliinyk u Yishai Avrahami.

Il-vantaġġ ta’ niżel għal 36-25 iżda Rory O’Brien kellu ħsibijiet oħra bi try għal Malta ħames minuti wara u conversion ta’ Dudman. L-istess għamel John Connolly fil-75 minuta biex aċċerta r-rebħa u l-conversion faċli ta’ Dudman kabbret l-iskor għal dak finali ta’ 50-25.