It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo wera determinazzjoni u kuragg minkejja li sofra telfa kbira kontra l-qawwa tal-Montenegro bl-iskor finali jkun dak ta’ 23-6. Din kienet ir-raba’ partita tal-Maltin fit-Tazza tad-Dinja, diviżjoni tnejn li bħalissa qed tintlagħab f’pajjiżna.
L-avversarji tal-bieraħ kienu l-itqal li kelna nilgħabu kontra tagħhom s’issa, hekk kif preżentament, il-Montenegro jinsabu fit-tmien post fir-rankings mondjali. Bil-kontra Malta tinsab fil-20 post.
Il-kwalità u l-esperjenza tal-Montenegro għamlu d-differenza, iżda Malta baqgħet tiġġieled sal-aħħar. Il-Maltin sabu x-xibka permezz ta’ Jake Cachia, Julian Valletta, Ivan Nagaev, Jeremy Abela u Finn Bugelli, li kollha approfittaw mill-azzjonijiet tagħhom.
Għal Malta, din il-partita kienet opportunità oħra ta’ esperjenza kontra oppożizzjoni ta’ livell għoli ħafna.
Malta terġa’ tkun fl-azzjoni, illejla fis-7:30pm meta naffrontaw lill-Arġentina. Din mistennija tkun logħba miftuħa għal kwalunkwè riżultat, bl-avversarji mill-Amerika t’Isfel jinsabu fit-18-il post fir-rankings tad-dinja; żewġ postijiet aħjar minn Malta.
//= $special ?>

