Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei dejjem qed tiggrava. Swali mimlijin, ħaddidema li mhux ilaħħqu u nuqqas ta’ sodod fost ħafna problemi oħra.
Issa, sar magħruf li numru ta’ swali fl-Isptar Mater Dei qed jintużaw sabiex jinżammu anzjani li qed jistennew sodda f’San Vinċenz, u djar tal-anzjani oħra sabiex jirċievu kura fit-tul. Dan minħabba l-fatt li d-djar tal-anzjani huma ffullati.
Minn informazzjoni li NetNews kiseb minn sorsi infurmati, l-Isptar Mater Dei qed jaffaċċja kriżi li ilha għaddejja għal żmien twil, dik li l-anzjani, qed idumu tul ta’ żmien sabiex jintbagħtu joqgħodu fid-djar tal-anzjani. Bir-riżultat, illi aktar minn żewġ wards qed jinżammu biss għal dawn l-anzjani li għandhom bżonn kura fit-tul.
Fil-fatt, tant hemm nuqqas ta’ sodod f’Mater Dei minħabba li fost problemi oħra, dawn l-anzjani mhux qed jintbagħtu għall-kura li għandhom bżonn fid-djar tal-anzjani, ingħatat ordni sabiex it-tobba jieqfu jwiegħdu lill-pazjenti u l-familji tagħhom il-kura fit-tul.
Madanakollu, jidher li fl-aħħar ġimgħa kien hemm żieda konsiderevoli ta’ persuni li daħlu l-emerġenza fl-Isptar Mater Dei u li minn dawn, il-maġġoranza assoluta tagħhom huma anzjani li għandhom bżonn kura fit-tul.
Din il-problema ilha għaddejja għal numru ta’ snin, iżda issa laħqet livelli li skont dawn is-sorsi qed tħalli impatt serju fuq l-emerġenza, il-ħaddiema, u s-swali tal-Isptar Mater Dei.
Intant, dawn l-istess sorsi spjegaw li l-Gvern għadu ma sab l-ebda soluzzjoni għal din il-problema, għajr li jagħti ordni sabiex l-ebda familja ma tkun mwiegħda li l-pazjent se jkun qed jingħata kura fit-tul fid-djar tal-anzjani.
//= $special ?>

