Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Graziella Castillo

Persuna li għamlet ħafna ġid fis-skiet. Mimlija kompassjoni u mħabba.

Hekk kienet deskritta d-Direttur ta’ Aġenzija Appoġġ Graziella Castillo, meta s-Sibt filgħodu ngħatat l-aħħar tislima fil-Knisja ta’ San Publiju wara li tilfet ħajjitha t-Tnejn 7 ta’ April, jumejn biss qabel ma kienet se tiċċelebra għeluq sninha.

Fl-omelija tiegħu, Dun Charles Cini iddeskriva lil Graziella bħalha qaddisa. Mara li kienet tagħmel ħafna ġid fis-skiet, u li kienet aktar minn direttur fl-aġenzija. Tant, li fi kliem Dun Charles Cini kienet għajn minn fejn tieħu s-saħħa u l-kompassjoni.

Fi Knsija mimlija nies, Graziella kienet ukoll deskritta bħala persuna umli, li kienet tħobb u li kienet ta’ għajnuna għal kull min kien jiltaqa’ magħha, speċjalment dawk li kienet taħdem magħhom biex ħajjithom issir aktar faċli.

Id-Direttur tal-Appoġġ, ġabret warajha ħafna nies li kienu jirrispettawha u li b’xi mod jew ieħor kienu affetwati bil-ħidma tagħha u dan irrifletta fil-folla numeruża li attendiet il-funeral sabiex ittiha l-aħħar tislima.

Graziella, tilfet ħajjitha t-Tnejn 7 ta’ April wara battalja ta’ saħħa li kellha. Minkejja dan, iċ-ċelebrant spjega li fl-aħħar jiem tkellem magħha, u li kienet determinata illi tkompli bil-ħidma tagħha minkejja d-diffikultà li kienet għaddejja minnha.