L-Imġarr għal darb’oħra intliet, hekk kif il-pjazza prinċipali reġgħet saret ċentru ta’ kuluri u togħmiet uniċi għall-‘Festa Frawli’.
Kull sena, f’April, l-Imġarr sar sinonimu mal-frawli – zmien li jibda jdaħħalna fl-ispirtu tas-sajf, u din is-sena ma kienet ebda eċċezzjoni…b’mijiet ta’ familji, viżitaturi u dilettanti tal-prodotti lokali nġabru taħt ix-xemx biex jiċċelebraw mhux biss il-frott magħruf tal-Imġarr, imma wkoll is-sengħa, it-tradizzjoni u l-ispirtu komunitarju li jagħmel lil dan ir-raħal.
Din l-attività kienet organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr flimkien mal-Knisja Parrokkjali, bl-għajnuna ta’ mijiet ta’ voluntiera li qattgħu ħafna mill-ħin tagħhom biex jagħmlu dan il-festival possibbli.
Fost dawk li attendew kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, akkumpanjati minn diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista.
Net News tkellem ukoll ma’ diversi persuni li attendew għal din l-attività, li kollha stqarru kemm dan huwa avveniment li tgawdi minnu l-familja kollha, kif ukoll post sabiħ fejn wieħed jista’ jqatta’ ħin ta’ kwalità mal-familja tiegħu f’nhar ta’ Ħadd
Dan fost tfal li saħqu magħna kif din l-attivtà apparti li ttihom ċans igawdu ġurnata mal-familja tagħhom – tagħllimhom aktar fuq il-prodott lokali.
Il-festival offra varjetà ta’ ikel magħmul mill-frawli tal-bdiewa lokali, fosthom luminati, smoothies, ġelati u waffles.
L-attività kienet immirata sabiex toffri esperjenza tipika Maltija, b’ikel frisk u frott ta’ kwalità.
U biex il-festa tkun iktar varjata, kien hemm ukoll stands bil-pjanti, ġugarelli għat-tfal, kif ukoll esibizzjonijiet ta’ arti relatati mal-frawli minn studenti ta’ skejjel lokali li wrew it-talenti tagħhom.
Il-ġurnata kienet imżewqa b’programm varjat b’diversi artisti, li żammew l-atmosfera ħajja tul il-ġurnata.
Mingħajr dubju, Festa Frawli kompliet tikkonferma kemm hija maħbuba kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti, hekk kif kull sena din l-attività tkompli tikber u tiġbed lejha aktar nies.





Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>

