Lokali Mużika

Ċelebrazzjoni tal-25 sena tal-programm Marċi u Bandalori

Ritratt: Mario Mintoff

Is-Sibt filgħaxija kien iċċelebrat il-25 anniversarju minn meta Joe Chetcuti beda jxandar il-programm Marċi u Bandalori fuq ir-radju, sinonimu mal-istazzjon Net FM – f’ċelebrazzjoni ta’ mużika fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Dan hekk kif is-Sibt kien organizzat Kunċert Kommemorattiv, f’xandira diretta fuq Net Television, il-banda fuq il-palk tad-Dar Ċentrali saħħru l-udjenza preżenti kif ukoll lit-telespettaturi. Dan taħt id-direzzjoni tas-surmastrijiet Anthony Carbonaro, Herman Farrugia Frantz, Joseph Vella, Daniel Vella, Gilbert Farrugia, Wayne Bartolo, Christine Vella, Manoel Pirotta, Josef Cuschieri u l-Maġġur John Ivan Borg.

Dan filwaqt li kienu akkumpanjati wkoll mis-Sopran Rosabelle Bianchi flimkien mat-Tenur Charles Vincenti. Fost ir-repertorju li ndaqq kien hemm Funiculi, Funicula, I will Survive, l-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel kif ukoll numru ta’ soundtracks minn films ċelebri fosthom Independence Day.

Intant, tul is-serata ndaqq għall-ewwel darba marċ miktub apposta għall-okkażjoni mis-Surmast Andrew Coleiro, bl-isem ta’ Joseph Chetcuti 25 Sena Xandar.

F’okkażjoni bħal din inrqat ukoll poeżija mill-awtur u poeta nnfsu Kavallier Joe Attard.

Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, flimkien ma’ Sarah, fejn insista dwar il-ħtieġa li nsaħħu l-kultura Maltija u nixprunaw it-talent lokali mhux bil-kliem biss imma anke bil-fatti.