Internazzjonali

Elezzjoni fl-Ungerija li kapaċi tbiddel id-direzzjoni tal-pajjiż

Il-poplu fl-Ungerija, fl-aħħar sigħat, kien qed  jivvota f’waħda mill-aktar elezzjonijiet kruċjali għal snin u li għandha tiddeċiedi jekk il-pajjiż itejjibx ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea inkella ikomplix fit-triq tal-politika estremista tal-lemin li qabad il-Prim Ministru attwali, Viktor Orban.

Orban u l-Partit Fidesz fil-Gvern qed jittamaw li jżidu l-mandat tal-poter wara li ilhom fil-Gvern għal sittax-il sena, madankollu, l-aħħar stħarriġ popolari kien qed juri vantaġġ għall-Partit Tisza fl-Oppożizzjoni immexxi minn Peter Magyar…Politiku li darba kien jifforma parti mill-Fidesz u li llum sar l-akbar avversarju politiku ta’ Orban.

Fl-aħħar jiem, Viktor Orban  għamel li seta’ biex jattira aktar votanti lejn il-partit tieggħu u meta l-Viċi-President Amerikan, JD Vance, fl-aħħar jiem, anki mar f’Budapest f’turija ta’ appoġġ lill-Prim Ministru Ungeriż waqt il-kampanja.

Dan meta l-elezzjoni tallum hi meqjusa bħala waħda li kapaċi tibdel drastikament id-direzzjoni tal-Ungerija…Sitwazzjoni fejn Orban u l-Gvern tiegħu meqjusin bħala l-aktar Stat Ewropew bir-relazzjonijiet tajbin mar-Russja ta’ Vladimir Putin,

Għaldaqstant, il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti  u r-Russja qegħdin isegwu b’attenzjoni kbira l-elezzjoni fl-Ungerija – l-istess bħall-Ukrajna, minħabba li l-Gvern ta’ Orban kemm-il darba ostakola l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea lill-Ukreni li ilhom aktar minn erba’ snin fi gwerra mar-Russja.

Minbarra li għandu r-rabtiet sodi mal-Kremlin, Viktor Orban hu wkoll alleat kbir tal-President Amerikan, Donald Trump. Minbarra dan, hu, ħafna drabi, kien akkużat b’li ostakola bi ħsieb id-demokrazija fl-Ungerija bi stil ta’ politika intolleranti…, Akkużi li ġejjin fil-parti kbira minn Brussell.

Min-naħa tiegħu, Peter Magyar, li kemm-il darba kkundanna l-istil dittatorjali ta’ Orban, qed iwiegħed li jtejjeb bil-kbir ir-relazzjonijiet ta’ Budapest mal-Unjoni Ewropea jekk kemm-il darba hu jiġi elett.

Magyar, fl-istess ħin, qed iwiegħed direzzjoni kompletament ġdida għall-Ungerija u biex idawwar lura r-riformi ta’ żmien Orban jekk kemm-il darba jirbaħ il-vot nazzjonali.

Ir-riżultati ta’ din l-elezzjoni tant importanti mistennija joħorġu aktar tard matul il-lejl.