Colin Schembri
Starlites Revive 66
Hibernians 55
(22-7)(10-14)(18-13)(16-21)
Starlites Revive waslu fil-finali tal-kampjonat wara li għelbu lil Hibernians 66-55 f’partita li kkontrollaw kważi kompletament mill-bidu sal-aħħar. Il-vantaġġ bikri tagħhom fl-ewwel sessjoni kien determinanti, u minn hemm ‘il quddiem baqgħu jżommu l-kontroll tal-logħba għal aktar minn 39 minuta. Id-differenza kienet evidenti fil-kontribut mill-bank (25 kontra 9) u fil-punti minn turnovers fejn Starlites kisbu 24 punt, filwaqt li sfruttaw ukoll aħjar it-tieni opportunitajiet. Hibernians kienu sfortunati b’injuries li kellhom effett fuq it-tim f’mument daqshekk kruċjali tal-istaġun. Starlites, min-naħa tagħhom, dehru aktar organizzati u kalmi fil-mumenti deċiżivi biex jagħlqu l-konfront u jiksbu post fil-finali. Starlites kellhom bidu mill-aqwa hek kif bdew bl-ewwel 11-il punt tal-partita kollha minn Mikela u Philippa Riolo bi tlett trippli. Hibs kellhom jistennew sal-ħames minuta biex jagħmlu l-ewwel punti permezz ta’ trippla minn Sasha Lecuyer u basket ta’ Josephine Diaby.Starlites komplew b’sitt punti oħra minn M. Riolo u Michela Zammit Cordina u wara l-aħħar basket ta’ Hibs minn Diaby, għamlu 5 punti oħra bi trippla ta’ Zammit Cordina għal skor ta’ 22-7. Fit-tieni sessjoni Hayley Macleod mexxiet ir-rimonta ta’ Hibs f’run ta’ 14-2 fejn kellha trippla flimkien m’oħra ta’ Andie Saliba. Starlites irrispondew fl-aħħar żewġ minuti bi tlett baskets mingħajr risposta għal skor ta’ 32-21.
Wara l-intervall, Hibs fetħu bil-punti ta’ Saliba però Starlites kellhom risposta immedjata bi trippla oħra ta’ Zammit Cordina. Wara punti fuq kull naħa, Starlites għamlu break ieħor ta’ 11-0 bi trippla ta’ M. Riolo u l-punti ta’ Becky Naudi u Makaila Napoleon. Hibs waqqfulhom ir-run bil-punti ta’ Macleod u Maria Bonett biex it-taqsima għalqet bi Starlites fuq quddiem 50-34. Hibs għamlu sforz ieħor fil-bidu tal-aħħar perjodu bi break ta’ 11-2 maqsum bejn Diaby u Macleod u fir-raba’ minuta naqqsu d-distakk għal seba’ punti 52-45. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet b’run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Jasmine Abela u punti ta’ Julija Dabic. Diaby u Lecuyer bi trippla għamlu l-aħħar punti ta’ Hibs però ma kienux biżżejjed biex isalvaw il-partita u jisfurzaw it-tielet waħda hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 66-55.
Starlites Revive: M. Riolo 16, C. Cilia 2, P. Riolo 5, M. Zammit Cordina 10, M. Fenech 1, R. Naudi 6, G. Haverlock 4, L.M. Zammit, A. Cassar Saguna, M. Napoleon 8, J. Abela 5, J. Dabic 11.
Hibernians: M. Buhagiar 2, L. Micallef, E. Jovanovic, I. Agius, S. Lecuyer 6, A. Saliba 7, M. Bonett 2, M. Marmara, H. Macleod 24, J. Diaby 14, K. Sammut, V. Dabic.
Referees: Bernard Vassallo, Leonardo Silvero, Andre Attard
Betsson Depiro 43
Caffè Moak Luxol 53
(11-13)(13-11)(8-16)(11-13)
Caffè Moak Luxol saru t-tieni finalisti wara li għelbu lil Betsson Depiro 53-43 f’ semifinali li kienet ikkaratterizzata minn ritmu baxx, ħafna fouls u persentaġġi baxxi ta’ shooting, iżda fejn Luxol kienu aktar dixxiplinati fil-mumenti deċiżivi. Minkejja li Depiro kellhom vantaġġ żgħir fil-punti fiż-żona, 26 kontra 22, u wkoll fil-punti minn turnovers, 18 kontra 13, Luxol irnexxielhom jagħmlu tajjeb għal dan permezz ta’ kontroll aħjar tal-logħba għal medda twila ta’ ħin, b’aktar fast breaks, 13 kontra 11, u vantaġġ żgħir iżda importanti fil-punti mill-offensive rebounds. Kienet partita fejn iż-żewġ timijiet sabu diffikultà kbira biex jiskurjaw minn barra, b’Depiro jagħlqu bi trippla waħda biss minn 18-il tentattiv, filwaqt li Luxol ukoll ma kinux preċiżi ħafna minn barra, iżda sabu aktar soluzzjonijiet fil-mumenti kruċjali. Id-differenza vera waslet mill-konsistenza ta’ Luxol fit-tielet sessjoni u fl-aħħar minuti, kif ukoll mill-wirja qawwija ta’ Olivia Wikstrom, li spiċċat bi 24 punt u 23 rebound, prestazzjoni li kellha piż kbir fuq ir-riżultat finali. Għal Depiro, Claire Portelli kienet l-aqwa skorer b’16-il punt, filwaqt li Sophie Abela żiedet 10 u Nicole Agius 8, iżda t-tim naqas milli jsib il-konsistenza meħtieġa biex idawwar il-logħba favurih. Depiro kellhom nieqsa lil Julia Borg Xerri u Julia Borg. Il-bidu kien wieħed bilanċjat ħafna u b’ritmu kajman, b’Depiro jagħmlu l-ewwel basket minn Agius, iżda Luxol wieġbu malajr permezz ta’ Olivia Wikstrom li bdiet turi l-preżenza tagħha taħt il-basket. Il-logħba baqgħet magħluqa tul l-ewwel sessjoni, b’Luxol jieħdu vantaġġ żgħir ta’ 13-11 sat-tmiem tagħha. Fit-tieni sessjoni Depiro bdew b’żewġ baskets ta’ Neve Borg qabel ma Luxol għamlu break qasir ta’ 8-0 bi trippla ta’ Gwen Carabott u sensiela ta’ free-throws minn Wikstrom. Depiro wkoll għamlu break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Portelli biex fl-intervall kien hemm parita ta’ 24-24.
Fit-tielet sessjoni Luxol ħadu l-kontroll tal-partita. Huma bdew jiftħu d-distakk gradwalment permezz ta’ baskets minn Vanya Baldacchino, Lisa Fenech Pace u Sarah Fenech Pace, filwaqt li Wikstrom kompliet iżżid il-punti tagħha taħt il-basket hekk kif Depiro tilfu lil Sonnier bil-ħames foul. Kien hemm ukoll l-ewwel punti ta’ Anna Fenech Pace li daħlet wara injury twila u għalkemm Depiro baqgħu viċin permezz ta’ Portelli u Abela, Luxol għalqu t-taqsima 40-32 minn fuq.
Fl-aħħar sessjoni Depiro ppruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba u naqqsu d-distakk għal ħames punti, iżda Luxol żammew kalma akbar fil-mumenti kruċjali. Rebecca Fenech Pace kellha trippla u meta Depiro naqqsu d-distakk 41-46, Luxol għamlu break deċisiv ta’ 7-0 bi trippla ta’ Jada Said biex ikkontrollaw l-aħħar sekondi u għalqu l-konfront 53-43 u assiguraw posthom fil-finali bħala t-tieni finalisti.
Betsson Depiro: S. Abela 10, N. Agius 8, J. Mallia, C. Privitera 2, C. Fenech, C. Portelli 16, N. Borg 4, L. Sonnier 3, S. Deguara 10, H. Farag.
Caffè Moak Luxol: G. Carabott 5, E. Axisa 1, L. Fenech Pace 4, R. Fenech Pace 4, J. Said 3, E. Abela, S. Fenech Pace 6, O. Wikstrom 24, V. Baldacchino 2, S. Sciberras, S. Farrugia 2, A. Fenech Pace 2.
Referees: Gordon Barbara, Miguel Pablo De Flavia, Zvezdan Dobrosaviljevic.
//= $special ?>

