Lokali

Il-kriżijiet tal-konnettività u s-saħħa f’Għawdex – u l-karba għal vot – Jiftaħ il-Kungress tal-Labour

Il-problema tal-konnettività, il-kriżi fis-saħħa, l-iżvilupp.

Dawn kienu t-temi li tqajmu fil-ftuħ tal-kungress tal-Partit Laburista f’Għawdex, kriżijiet li għal dawn l-aħħar 13-il sena l-Għawdxin spiċċaw iħabbtu wiċċhom magħhom kawża ta’ politika ta’ amministrazzjoni Laburista – kriżijiet li fl-aħħar xhur u snin komplew jerfgħu rashom iżjed.

Fost l-interventi, kien hemm tat-tabib Mario Saliba, li filwaqt li rrikonoxxa l-affarijiet li saru fl-aħħar snin, insista li l-kura tas-saħħa u s-servizzi mediċi f’Għawdex għandhom ikomplu jitjiebu kontinwament.

Huwa insista fuq l-importanza li jsir sptar ġdid f’Għawdex. Sptar ġdid b’400 sodda li issa ilu jiġi mwiegħed għal dawn l-aħħar 13-il sena, u li suppost, kif kien imwiegħed, diġà tlesta.

Filwaqt li Saliba propona li l-berġa tar-Rabat tibqa’ miftuħa 24 siegħa, insista li vera li ngħalqu diversi bereġ f’Għawdex…madanakollu kif issokta jitkellem fuq din il-problema huwa ġie mwaqqaf ħesrem.

Fost oħrajn tkellem ukoll l-eks Ministru Laburista Franco Mercieca fejn insista dwar il-bżonn ta’ aċċessibilta oħra biex tasal Għawdex.

Tkellem ukoll fuq il-bżonn li kull Ministru jagħti każ lill-Għawdex, u mhux biss Ministri li huma biss Għawdxin.

Mercieca sostna li Għawdex ma jistax jispiċċa bħal Malta bi żvilupp qawwi u massiċċ fejn fi kliemu insista li Malta qed tegħreq fil-bini tant li qed jispiċċa ma jafx f’liem lokalità jkun.

U hekk kif l-għajdut ta’ elezzjoni bikrija qed jintensifika ma setgħax jonqos li l-eks Ministru jappella għal vot, minkejja li teknikament l-elezzjoni ġenerali fadlilha 11-il xahar ieħor sakemm tasal, b’Mercieca jgħid lil poplu sabiex ma jinkix lil Partit Laburista.

Naħsbu sew x’ħa nagħmlu bih il-vot, mhux żmien li ninku. APPELL IDDISPRAT GĦAL VOT. 22:05

Francesco Catania – Net News