Colin Schembri
Luxol 55
Hibernians 52
(15-14)(14-13)(12-16)(14-9)
Luxol kisbu rebħa drammatika ta’ 55-52 fuq Hibernians f’partita ferm bilanċjata li baqgħet miftuħa sal-aħħar sekondi u li rat diversi bidliet fil-vantaġġ. Il-konfront kien wieħed intens, b’15-il tibdil fil-vantaġġ, iżda Luxol irnexxielhom jagħmlu differenza fl-aħħar minuti minkejja li Hibernians kellhom vantaġġ ċar fiż-żona (40 kontra 22) u fit-tieni opportunitajiet (15 kontra 6). Eve Axisa kienet determinanti għal Luxol b’17-il punt, filwaqt li Ella Cachia żiedet 15-il punt inklużi baskets kruċjali fl-aħħar sessjoni. Għal Hibernians, Lara Micallef spikkat b’17-il punt u diversi azzjonijiet importanti speċjalment fit-tielet sessjoni. Il-bidu kien bilanċjat ħafna, b’Luxol jiftħu b’punti ta’ Cachia u Xuereb, iżda Hibernians wieġbu immedjatament u anke ħadu vantaġġ għal mumenti. Trippla ta’ Axisa żammet lil Luxol fil-logħba u l-ewwel sessjoni ntemmet 15-14 favur Luxol. Fit-tieni sessjoni l-logħba kompliet tkun missielta, b’Luxol jiftħu vantaġġ ta’ ħames punti wara run żgħira mmexxija minn Axisa u Schembri. Madankollu Hibernians wieġbu permezz ta’ Micallef u Sammut biex reġgħu daħlu fil-logħba, iżda Luxol xorta żammew vantaġġ żgħir ta’ 29-27 sa tmiem it-taqsima.
Fit-tielet sessjoni Hibernians bdew aħjar u rnexxielhom iduru r-riżultat b’punti konsekuttivi minn Micallef u Dabic. Minkejja trippla ta’ Marmara u punti minn Xuereb għal Luxol, Hibernians għalqu s-sessjoni 43-41 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni wasal il-mument deċiżiv tal-partita. Hibernians fetħu vantaġġ ta’ sitt punti, iżda Luxol wieġbu b’mod qawwi. Trippla ta’ Axisa naqqset id-distakk u wara trippla oħra minn Cachia, Luxol marru minn fuq 53-52. Basket finali ta’ Marmara żied il-vantaġġ u Luxol żammew sal-aħħar biex kisbu rebħa drammatika ta’ 55-52.
Luxol: Eve Axisa 17, Emma Mallia, Sara Cosic, Katrina Marmara 9, Adria Xuereb 8, Valentina Portelli, Elena Saliba, Giulia Schembri 6, Elysa Joy Delic, Gemma Ivanova, Ella Cachia 15, Ella El Trabelsi.
Hibernians: Lara Micallef 17, Elly Jovanovic 4, Kirstie Sammut 11, Dezaiya Abela, Zaira Ahar 2, Martina Muscat, Martina Mendez 5, Sera Cassar 1, Alexa Sammut 4, Viktorija Dabic 8, Zanesh Agius.
Referees: Miguel Pablo De Flavia, Wendell Lim, Rafael Mesa
//= $special ?>

