Basketball Sport

Kampjonat St. James Hospital Nisa U/19: Luxol Bolt jibdew id-difiża tat-titlu b’rebħa kbira

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Luxol Bolt 88

Starlites Blue 43

(28-10)(24-7)(19-13)(17-13)

Luxol Bolt kisbu rebħa kbira ta’ 88-43 fuq Starlites Blue fil-ewwel finali tal-kampjonat U/19 tan-nisa, f’partita li kkontrollaw mill-bidu sal-aħħar b’prestazzjoni offensiva u difensiva ta’ livell għoli. Id-differenza kienet kbira fil-punti minn turnovers (43 kontra 3), kif ukoll fil-fast breaks (17 kontra 4) u fil-kontribuzzjoni mill-bank (45 kontra 5), li juru ċar il-kontroll assolut ta’ Luxol tul il-logħba kollha.

Sarah Fenech Pace kienet eċċellenti b’20 punt u 8 rebounds b’effiċjenza għolja ħafna fl-attakk, filwaqt li Vanya Baldacchino żiedet 18-il punt u preżenza taħt il-basket b’disa’ rebounds. Għal Starlites, Philippa Riolo kienet l-aktar konsistenti bi18-il punt. Il-bidu kien bilanċjat biss għall-ewwel ftit minuti, b’Starlites jieħdu vantaġġ ta’ 2-0, iżda Luxol wieġbu immedjatament b’run qawwija mmexxija minn Gwenn Carabott u Ella Abela. Żewġ trippli konsekuttivi ta’ Carabott u punti minn turnovers fetħu distakk kmieni, u Luxol għalqu l-ewwel sessjoni 28-10 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Luxol komplew jiddominaw kompletament u għamlu run oħra deċiżiva. Trippla ta’ Jada Said u oħrajn minn Adria Xuereb, Sarah Sciberras u Baldacchino flimkien ma’ fast breaks kontinwi kabbru d-distakk b’mod sostanzjali. Eve Axisa għalqet is-sessjoni b’trippla oħra biex Luxol daħlu fil-mistrieħ 52-17 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni l-andament baqa’ l-istess, b’Luxol jikkontrollaw il-logħba kompletament. Sciberras kellha trippla oħra flimkien mal-punti ta’ Kelly Magro u Said. Sarah Fenech Pace kompliet tiddomina fiż-żona filwaqt li Baldacchino żiedet punti minn offensive rebounds u turnovers biex il-vantaġġ tela’ għal aktar minn 40 punt. Fl-aħħar sessjoni Luxol baqgħu jikkontrollaw u żammew l-istess intensità. Minkejja xi punti minn Riolo u Micallef għal Starlites, Luxol komplew iżidu l-vantaġġ tagħhom u għalqu l-partita b’rebħa kbira ta’ 88-43 li kkonfermat is-superjorità tagħhom fil-finali.

Luxol Bolt: G. Carabott 6, R. Fenech Pace 2, E. Axisa 7, S. Sciberras 8, K. Magro 4, A. Xuereb 6, J. Said 7, E. Abela 8, S. Fenech Pace 20, S. Farrugia 2, V. Baldacchino 18, S. Sciberras 2, S. Farrugia, A. Fenech Pace.

Starlites Blue: F.Gauci 8, P. Riolo 18, A. Buckwell, M. Cassar Borg, Y. Ferrando 5, B. Sciberras, G. Gerada, M. Sultana, F. Vella 1, K. Gatt 1, I. Micallef 7, A. Cassar Saguna 3.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel Pablo De Flavia, Bernard Vassallo.