Lokali

“L-ebda taxxa fuq l-ewwel €10,000 tal-part time u l-overtime…proposti ċari, tim preparat u pjan konkret” – Alex Borg

“L-ebda taxxa fuq l-ewwel 10,000 ewro li taqla’ minn fuq il-part time jew l-overtime…dan u ħafna aktar proposti b’aġenda ċara, tim preparat, u pjan konkret.”

Saħaq dan il-Kap tal-PN Alex Borg f’attività politika tal-Ħadd – din id-darba fl-Imdina, hekk kif qed jiġi intervistat mill-ġurnalista Chayenne Riolo.

Intant mistoqsi dwar kif Robert Abela daħħal lill-pajjiz f’atmosfera ta’ elezzjoni generali, u bħal donnu qiegħed ifittex skuża fuq hiex jitfa’ lill-pajjiż f’kampanja elettorali – Alex Borg saħaq li dan hu nuqqas serju min-naħa tal-Prim Ministru li jilgħab bid-data tal-elezzjoni għall-interessi partiġġjani tiegħu, biex jipprova jsalva hu…tant daħħal lill-pajjiż f’atmosfera ta’ elezzjoni ġenerali għax il-Prim Ministru għandu bżonn jaħrab minn kriżi interna u qed jaħseb li elezzjoni tista’ teħilsu minnha.

Apparti min hekk il-Kap tal-PN qal wkoll li  Robert Abela qisu jrid iċedi l-mandat sena qabel – xi ħaġa li mhix normali, la għal Prim Ministru Malti u għall-ebda Prim Ministru ieħor – Speċjalment meta hu stess ammetta li ma wettaqx ħafna mill-programm elettorali tal-Labour.

Alex Borg kompla jinsisti li l-Labour ma żammx kelmtu – wiegħed mal-elf proposta u wettaq ħafna inqas milli qal li wettaq. Dan fost wiegħdi fierħa bħal tat-trakka għad-dilettanti tal-motorsport, il-villaġġ tal-Karnival.

Apparti min hekk Alex Borg fakkar wkoll kif il-Labour kien qal li f’pajjiżna se jkun faċli li f’ġimgħa tkun tista’ twaqqaf kumpanija – minflok, żdiedet kemm felħet il-burokrazija.

U kien għaw fejn wiegħed li Gvern Nazzjonalista mmexxi minnhu se jara’ li din il-burokrazija titneħħa u tinħoloq klima fejn kulħadd ikollu l-opportunitajiet indaqs.

Intant, mistoqsi dwar jekk Robert Abela sejjaħlux biex tiġi diskussa l-kariga ta’ Awditur Ġenerali ġdid – bil-Kap tal PN jgħid li l-prijoritajiet ta’ Robert Abela m’humiex il-Malti  u l-Għawdxin, imma kif ha jsalva ġildu billi jiggranfa mas-siġġu tal-poter.

Alex Borg tkellem wkoll dwar kif ħafna zgħażagħ qed isibuha diffiċli biex jaraw fejn u kif se jkollhom saqaf fuq rashom fil-futur. Bil-Kap tal-PN jisħaq li, PN fil-Gvern jara’  li skemi preżenti jitwettqu u jitħaddmu flimkien ma’ skemi oħra.

Il-Kap tal-PN kompla jgħid li l-iskemi li ser jipproponi se jkunu skemi li l-benefiċċju tagħhom igawdih iż-żgħir u min hu tassew fil-bżonn – Skemi fejn il-benefiċċju ma jkunx ta’ 30% biss, iżda sostanzjalment akbar u ħafna aktar ġusti.

Dwar l-għoli tal-ħajja – Alex Borg fakkar fil-proposti li diġa ħabbar, fosthom iċ-“Child Trust Fund” ta’ €5,000 għal kull tarbija biex jagħti pedament finanzjarju għall-futur tat-tfal, studji biex tiġi implimentata l-4 day week –  biex tgħin fil-bilanċ bejn xogħol u familja, l-eliminazzjoni tat-taxxa min fuq iz-zieda għall-għoli tal-ħajja.

Alex Borg propona wkoll li fuq l-ewwel 10,000 ewro li taqla’ minn fuq il-part time jew l-overtime, ma titħallasx taxxa.

Apparti hekk Alex Borg reħa’ fakkar kif ser ikun qiegħed jipproponi investiment meħtieġ f’settur ekonomiku ġdid li dan il-pajjiż qatt ma ra bħalu – Liema settur ser jkun wkoll viżjunarju anke fuq livell Ewropej.

Dan apparti li wiegħed mill-ġdid li fl-ewwel 100 jum tiegħu bħala Prim Ministru jibda’ l-proġett tat-trasport tal-massa u li f’lesġislatura ta’ 5 snin dan il-proġett ikun iffinalizzat.

Rigward is-sitwazzjoni internazzjonli…Alex Borg ta garanzija politika lill-familji u lin-negozji, u qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma jħallix din il-kriżi internazzjonali tinbidel f’kriżi tal-kontijiet fid-djar Maltin…u li l-prezzijiet jibqgħu fejn huma u mhux se jgħolew.

Alex Borg għalaq billi saħaq li l-pjan diġà beda…u diġà ħarġi diversi proposti. Kollox mibni fuq dak li għandu bżonn il-poplu….għal Malta li terġa’ temmen fiha nnifisha. Bil-Kap tal-PN jisħaq li tiġi meta tiġi l-elezzjoni il-Partit Nazzjonalista jinsab lest sabiex jgħati direzzjoni ġdida.

B’Alex Borg iwiegħed Gvern li jridek timxi ‘l quddiem – Gvern li jgħinek tikber aktar u mhux li juża t-taxxi tiegħek b’mod ħażin….u b’aġenda ċara, tim preparat, u pjan konkret, Gvern ġdid Nazzjonalista ibiddel il-pajjiż.