Fi tmiem il-ġimgħa ssoktat il-kriżi fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dan hekk kif sorsi li tkellmu ma’ Net News sostnew li l-makkinarju tas-CT Scan fl-Isptar Għawdxi, għal darb’oħra mhux qed taħdem u għandha sa jumejn oħra.
Kawża ta’ hekk, is-Sibt filgħaxija kellu jiġi trasferti fl-Isptar Mater Dei pazjent permezz ta’ ħelikopter…sabiex ikun sottopost għal CT Scan. Dan ifisser li għal din il-proċedura, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex mhux talli għamel perjodu twil mingħajr ħelikopter, iżda wkoll mingħajr anestetista u infermiera tal-Emerġenza.
Din hija kriżi oħra li l-Isptar Ġenerali t’Għawdex spiċċa jħabbat wiċċu magħha, sptar li 13-il sena ilu Gvern Laburista kien wiegħed li se jibni mill-ġdid b’400 sodda grazzi għal ftehim mal-barrani.
Madanakollu minn dan ma sar assolutament xejn, bil-miljuni ta’ ewro minn but il-poplu jitberbqu fix-xejn u l-Għawdxin baqgħu sfortunatament, bi sptar li jmur lura għas-sittinijiet.
L-isfidi fis-settur tas-saħħa preżenti wkoll fl-Isptar Mater Dei hekk kif iswali mimlijin, impjegati li mhux ilaħħqu u nuqqas ta’ sodod fost ħafna sfidi oħrajn.
Numru ta’ swali fl-Isptar Mater Dei qed jintużaw sabiex jiġu miżmuma anzjani li qed jistennew sodda fir-Residenza San Vinċenz, u djar tal-anzjani oħrajn sabiex jirċievu kura fit-tul. Dan minħabba l-fatt li d-djar tal-anzjani huma ffullati.
Minn informazzjoni li NetNews kiseb minn sorsi infurmati, l-Isptar Mater Dei qed jaffaċċja kriżi li ilha għaddejja għal żmien twil, ċioè dik li l-anzjani, qed idumu tul ta’ żmien sabiex jintbagħtu joqgħodu fid-djar tal-anzjani. Bir-riżultat, illi aktar minn żewġ wards qed jinżammu biss għal dawn l-anzjani li għandhom bżonn kura fit-tul.
//= $special ?>

