Internazzjonali

L-Ungerija: Telfa elettorali kbira għal Orban wara 16-il sena ta’ poter

L-Ungerija qed tħejji għall-bidliet storiċi fit-tmexxija wara li l-Kap tal-Partit Tisza, Péter Magyar, kiseb rebħa elettorali kbira għall-ispejjeż tal-Prim Ministru konservattiv tal-lemin, Viktor Orban, li kien ilu jmexxi pajjiżu mill-2010….Rebħa mill-aktar kruċjali għall-futur ta’ dan il-pajjiż kif ukoll għall-Unjoni Ewropea li l-Ungerija tifforma parti minnha

Jidher li l-poplu Ungeriż irribella kontra l-politika ta’ Orban biex iqarreb pajjiżu lejn ir-Russja, bl-aħħar indikazzjonijiet jagħtu vantaġġ ta’ kważi 58 fil-mija lil Magyar li impenja ruħu biex, ‘bħala Prim Ministru’, itejjeb ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea.

Orban, fil-fatt, ikkonċieda t-telfa ftit wara li beda l-għadd tal-voti matul il-lejl u wara elezzjoni  li fiha vvutaw numru rekord ta’ Ungeriżi – partikularment żgħażagħ li qed jaspiraw f’relazzjonijiet aħjar mal-Unjoni Ewropea wara snin ta’ diżgwid bejn il-Partit Fidesz fil-Gvern u Brussell.

L-indikazzjonijiet kienu li l-Partit Tisza għandu jikkontrolla mal-135 siġġu fil-Parlament ta’ Budapest – u li kapaċi jfisser żewġ siġġijiet aktar minn maġġoranza ta’ żewġ-terzi.

Riżultat li bla dubju ma niżilx tajjeb mal-President Russu Vladimir Putin u l-President tal-Istati Uniti Donald Trump li huma t-tnejn sostenituri kbar ta’ Viktor Orban.

Jidher ukoll li swiet għal xejn iż-żjara fl-Ungerija, jiem ilu, tal-Viċi-President Amerikan, JD Vance, li mar f’Budapest, għan-nom ta’ Trump, f’turija ta’ appoġġ lill-Prim Ministru Orban waqt il-kampanja …Ġest li, skont l-osservaturi, kellu jaħdem kontra l-istess Viktor Orban.

Min-naħa tiegħu, Peter Magyar kemm-il darba kkundanna l-istil dittatorjali ta’ Orban u ladarba spiċċat l-era tal-eks Prim Ministru mistenni li Magyar, ‘il quddiem, ikattar ir-relazzjonijiet ta’ Budapest mal-UE skont il-vera ideali Ewropej u b’intenzjonijiet ħafna aktar pożittivi mir-rivali veteran tiegħu.