In-nuqqas ta’ qbil għal tmiem formali tal-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iran ħalla l-bieb imbexxaq għal fażi ġdida ta’ kumbattimenti bejn l-Istati avversarji.
Is-sitwazzjoni għadha fraġli ħafna wara li d-delegazzjonijiet tal-Amerikani u l-Iranjani ltaqgħu fil-Pakistan għal taħditiet maratona – u meta s-‘ceasefire’ issa qed jidher imdendel bi spaga… Sitwazzjoni li kapaċi twassal għal eskalazzjoni perikoluża minn ħin għall-ieħor.
Mat-tmiem tat-taħditiet storiċi f’Islamabad, il-Viċi-President Amerikan, JD Vance, qal li d-djalogu kien wieħed ‘ta’ sustanza’ u fejn ‘l-Iran għażel li ma jaċċettax il-kundizzjonijiet tal-Istati Uniti. Fl-istess ħin, Vance qal li s-sitwazzjoni qed tindika ‘affarijiet agħar għall-Iranjani milli għall-Amerikani’ u meta hu, fl-aħħar sigħat, kien f’kuntatt kontinwu mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump biex huma jevalwaw il-passi li jmiss.
Jidher ukoll li l-Iran, wara t-taħditiet, mhux se jikkommetti ruħu biex ma jiksibx arma nukleari u dan għandu jitqies bħala disfatta għall-Amerikani li, akkost ta’ kollox, ma jridux jippermettu sitwazzjoni fejn ir-reġim f’Teheran ikun fil-pussess tal-armamenti għall-qerda tal-massa.
Vance, li għal-laqgħa kien akkumpanjat mir-Rappreżentanti Speċjali Steve Witkoff u Jared Kushner, qal li l-kundizzjonijiet ta’ pajjiżu lill-Iran għadhom fuq il-mejda u issa huma l-Iranjani li jridu jagħmlu pass konkret biex itaffu t-tensjoni.
L-Istati Uniti, fl-istess ħin, mhix tindika eżattament x’għandu jseħħ ladarba jeskadi d-deadline ta’ 14-il jum għall-waqfien mill-ġlied…Deadline li, ġranet ilu, kienu qablu dwaru l-Amerikani u l-Iranjani.
Dan ukoll waqt li l-Pakistani, bħala l-medjaturi ewlenin bejn iż-żewġ għedewwa, qed jinsistu biex l-Amerikani u l-Iranjani jinfurzaw il-waqfien mill-ġlied waqt li jieħdu l-inizjattiva biex il-ftehim, almenu, jibqa’ validu għat-tul taż-żmien.
Min-naħa tiegħu, ir-reġim Iranjan qal mill-ġdid li filwaqt li hu lest għal ftehim ‘raġunat’ mhux se jippermetti li l-Istati Uniti tipprova tintimidah bl-iskuża tad-diplomazija.
Id-delegazzjoni Iranjana, li tmexxiet mil-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Abbas Araghchi u l-Ispeaker tal-Parlament, Mohammad Bagher Ghalibaf , qalu li, fit-taħditiet mal-Amerikani, ‘għamluha ċara’ li l-Iran irid kumpens xieraq għall-qerda li l-qawwiet militari Amerikani kaġunaw lill-ibliet tiegħu. L-Iran, fl-istess ħin, qed jinsisti biex ikunu rilaxxati ‘immedjatament’ l-assi friżati tiegħu li għadhom miżmuma f’numru ta’ pajjiżi tal-Punent.
Id-delegazzjoni Iranjana, sadanittant, spjegat li t-taħditiet mal-Amerikani ma waslu mkien wara li d-delegazzjonijiet ma qablux dwar numru ta’ issues importanti.
Jidher li s-sitwazzjoni fir-Rotta ta’ Hormuz, minfejn qed ikun ittrasportat xi 20 fil-mija taż-żejt lill-pajjiżi tad-dinja, kienet diskussa fid-dettall fil-Pakistan. Madankollu, l-Iranjani, fl-aħħar sigħat, ma qalux speċifikament jekk tkellmux fit-tul dwar l-armamenti nukleari.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-President Trump qal li n-Navy tal-Istati Uniti għandha, ‘il quddiem, tuża l-forza militari fir-Rotta ta’ Hormuz bil-ħsieb li tnaqqas mill-kontroll tal-Iranjani fuq din il-medda ta’ baħar kruċjali.
//= $special ?>

