Stewart Said
BRAŻIL…………… 12
MALTA…………… 13
(2-2), (4-3), (2-5), (3-3)
Wara r-rebħa kontra l-Arġentina s-Sibt filgħaxija, it-tim nazzjonali Malti reġa’ spikka għal raġunijiet pożittivi b’rebħa oħra missielta din id-darba kontra l-Brażil. B’hekk Malta tilgħab illum kontra l-Kanada fis-1.30pm għad-disa’ jew l-għaxar post f’din il-kompetizzjoni, riżultat li jagħti sodisfazzjon għat-tim ta’ Milan Cirovic, speċjalment minħabba li s-selezzjoni Maltija ma tinkludix l-aqwa plejers lokali. F’riżultat bħal dan jieħu l-merti kulħadd iżda nkun qed nonqos jekk ma nsemmix individwalment il-prestazzjoni tal-gowlkiper Nicky Grixti li kellu partita mill-aqwa.
L-ewwel sessjoni serviet ta’ preludju għall-kumplament tal-konfront. Iż-żewġ timijiet kellhom vantaġġ minimu f’ħin mis-sessjoni b’Elijah Schembri jagħmel l-iskor indaqs lejn nofs is-sessjoni minn man-up.
Wara li f’żewġ okkażjonijiet fit-tieni sessjoni t-tim Malti wieġeb wara l-gowls tal-avversarji, il-Brażiljani ħadu vantaġġ doppju għall-ewwel darba fil-logħba. Dan sakemm Julian Valletta minn man-up naqqas id-distakk fl-aħħar minuta tas-sessjoni.
Il-mument importanti tal-logħba seħħ wara żewġ minuti mill-ftuħ tat-tielet sessjoni. Rafael Vergara tkeċċa għall-brutalità, deċiżjoni li ħalliet lill-Brażiljani b’raġel anqas għal erba’ minuti. It-tim Malti ngħata penalty li minnu Ivan Nagaev ġab id-draw. F’dan il-perjodu, il-plejers Maltin ħadu vantaġġ ta’ 9-7 filwaqt li bdew l-aħħar sessjoni 10-9 minn fuq.
Il-logħba kienet għadha miftuħa u l-Brażiljani baqgħu jissieltu biex jevitaw it-telfa. Paulo Oliveira għamel l-iskor indaqs iżda l-Brażil qatt ma ħadet il-vantaġġ għaliex it-tim Malti wieġeb b’doppjetta ta’ Nagaev.
Madankollu l-Brażil reġgħet wieġbet u għamlet l-iskor 12-12 b’żewġ minuti għat-tmiem. Kien gowl ta’ Jake Cachia minn azzjoni ta’ superjorità numerika li spiċċa biex kien il-gowl tar-rebħa. Fl-aħħar ftit attakki, kompla jispikka l-gowlkiper Nicky Grixti li salva kull ma ġie għal idejh inkluż xutt fl-aħħar sekonda tal-logħba.
Brażil: J. Silveira, L. Cabral, G. da Silva, G. Coutinho, L. Wulfhorst (1), P. Oliveira (1), R. Vergara (1), P. Vergara (3), A. Nardaci Junior (1), L. Andrade (1), G. Guimaraes (1), L. Silva (2), J. Fernandes, D. Gallozzi (1)
Malta: N. Grixti, E. Schembri (2), J. Valletta (2), J. Zerafa Gregory (1), J. Cachia (2), B. Cachia, R. Caruana, I. Nagaev (5), J. Abela (1), F. Bugelli, D. Zammit, L. Dimech, Z. Dzanovic, S. Engerer
Referees: Tomi Kavcic (Slovenja), Janusz Marian Gottschalk (Polonja)
//= $special ?>

