Futbol Sport

Marie-Louise Eta, l-ewwel kowċ mara li se tmexxi klabb tal-irġiel fil-Bundesliga Ġermaniża

Marie-Louise Eta
Marie-Louise Eta

Id-Direttur Sportiv ta’ Union Berlin, klabb fil-Ġermanja, Horst Heldt, ħabbar li Marie-Louise Eta, kowċ femminili ta’ 34 sena, se tkun qed tieħu t-tmexxija tat-tim tal-irġiel b’mod temporanju. Il-ħsieb tal-klabb tal-Bundesliga Ġermaniża, hu li Eta ssir il-kowċ uffiċjali ta’ Union Berloin, wara tmiem dan l-istaġun.

Din l-aħbar hija paġna storika, kemm fil-Ġermanja kif ukoll fl-aqwa ħames Kampjonati Ewropej tal-irġiel, hekk kif Eta se ssir l-ewwel mara li se tkun qed tmexxi tim tal-irġiel fil-Bundesliga.

Din id-deċiżjoni waslet wara li l-klabb neħħa lil Steffen Baumgart, eks plejer ta’ Union Berlin, minħabba riżultati negattivi fit-tieni nofs tal-istaġun. Heldt qal li l-prestazzjonijiet kienu “diżappuntanti kompletament” u li minkejja l-pożizzjoni tagħhom fit-klassifika, is-sitwazzjoni tibqa’ delikata.

Union Berlin jinsabu fit-11-il post, seba’ punti biss ’il fuq miż-żona tar-relegazzjoni. Fil-Ġermanja, fl-ogħla diviżjoni tal-pajjiz, fadal ħames logħbiet biss mit-tmiem tal-Kampjonat. B’żewġ rebħiet f’14-il partita, Heldt sostna li t-tim għandu bżonn bidla friska biex jerġa’ jakkwista l-fiduċja. Union Berlin jilagħbu kontra Wolfsburg fil-ġimgħa li ġejja, f’dik li se tkun il-logħba li fiha Eta se tkun qed tagħmel id-debutt tagħha fit-tmexxija teknika ta’ Union Berlin.