Seba’ minorenni Maltin bejn l-14 u s-16-il sena tressqu l-Qorti mixlijin li ppruvaw jisirqu scooter ta’ żagħżugħ ieħor f’Ħ’Attard, filwaqt li erbgħa minnhom huma akkużati wkoll li sawtu lill-vittma u kkaġunawlu ġrieħi gravi.
Dan il-każ seħħ fid-9 ta’ April li għadda, meta allegatament grupp ta’ madwar 10 adolexxenti daħlu f’garaxx fejn kien hemm il-vittma u attakkawh.
Skont il-prosekuzzjoni, it-tifel sofra ġrieħi gravi, inkluż ksur f’imnieħru u feriti f’għajnejn.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga wara rapport mill-ġenituri tal-vittma, u ġew ippreżentati wkoll filmati ta’ CCTV li kkonfermaw l-attakk.
Żagħżugħ ta’ 14-il sena mill-Mellieħa u ieħor ta’ 15-il sena minn San Ġwann ammettew l-akkużi, filwaqt li l-oħrajn wieġbu mhux ħatja.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, ordnat li jsir rapport minn social workers qabel tingħata s-sentenza fil-konfront ta’ dawk li ammettew.
Ġiet ukoll maħruġa ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, li tipprojbixxi lill-minorenni milli jagħmlu kuntatt miegħu jew ma’ qrabatu.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-vittma għad irid jixhed.
Madankollu, żewġ minorenni, wieħed ta 14-il sena mill-Imsida u ieħor ta’ 16-il sena minn Birkirkara ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ € 3,000 u garanzija personali ta’ €20,000.
Matul is-seduta, id-difiza enfasizzat li l-każ jinvolvi minorenni u li skont il-liġi, dawk taħt is-16-il sena jistgħu ma jinżammux kriminalment responsabbli jekk ma jkunux ippruvat li aġixxew b’intenzjoni kriminali u għalhekk għadhom jingħataw trattament differenti minn adulti.
//= $special ?>

