Lokali Qorti

Mixli li kkawża ħsarat f’propjetà waqt li kien fis-sakra

John David Farrugia, direttur ta’ negożju ta’ 48 sena minn San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu mixli li waqt li kien taħt l-effett tax-xorb, ikkaġuna ħsara fil-propjetà ta’ persuna, irreżista lill-Pulizija u inġurjahom, kif ukoll uża kliem oxxen fil-pubbliku.

Dan il-każ seħħ fl-10 ta’ April li għadda, meta l-Pulizija rċievet rapport dwar raġel li kien fis-sakra, fejn fuq il-post, il-Pulizija sabu lill-akkużat li allegatament beda jirreżisti lill-uffiċjali u ġie arrestat.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, l-akkużat wieġeb mhux ħati.

Id-difiża sostniet li l-inċident kien marbut ma’ diffikultajiet personali u li huwa diġà kkumpensa lill-vittma għad-danni kkawżati.

Minkejja l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni minħabba x-xhieda li għad iridu jixhdu u l-fatt li jgħix qrib il-vittma, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti. Fosthom depożitu ta’ €3,000, garanzija personali ta’ €5,000, curfew, rapport lill-għassa u ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u x-xhieda, kif ukoll superviżjoni minn uffiċjali tal-probation.