Il-problemi kbar ikomplu jikbru għal Tottenham Hotspur li tillfu partita oħra fil-Premier League u issa jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.
Fl-ewwel partita ta’ Roberto De Zerbi fit-tmexxija, Spurs ma kienux kapaċi jużaw il-momentum li jġib miegħu kowċ ġdid fl-iżjed parti importanti tal-istaġun, biex wara din it-telfa jinsabu fit-18-il post b’total ta’ 30 punt wara 32 partita, dan ukoll wara li West Ham għelbu lil Wolves il-Ġimgħa, u Nottingham Forest irnexxielhom jiksbu draw importanti kontra Aston Villa.
Sunderland skorjaw il-gowl tar-rebħa fil-61 minuta permezz tal-eks PSG, Nordi Mukiele mill-assist ta’ Diarra.
Punt importanti fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni għat-Tricky Trees kontra l-Villians. Villa jiftħu l-iskor fit-23 minuta minn auto-gowl ta’ Murillo, b’Neco Williams jagħmel l-iskor indaqs fit-38 minuta.
Il-pressjoni tkompla tikber fuq Arsenal wara t-telfa li soffrew kontra Bournemouth is-Sibt li għadda hekk kif Manchester City ma fallewx f’konfront importanti kontra Chelsea u għelbu lil Blues 3-0.
Nico O’ Reilly jiskorja fil-51 minuta, b’ Marc Guehi jirdoppja fis-57 minuta. Iż-żewġ gowls waslu minn bravuri tal-istilla Rayan Cherki.
Fit-68 minuta Jeremy Doku kkonferma r-rebħa.
Crystal Palace għelbu lil Newcastle United 2-1 f’Selhurst Park.
Il-Magpies jiftħu l-iskor permezz ta’ William Osula fit-43 minuta, biex Jean-Philippe Mateta jkompli l-forma tajba li kellhu fil-UECL u skorja dopjetta lejn l-aħħar tal-partita.
Tottenham fiż-żona tar-relegazzjoni wara t-telfa ma’ Sunderland, Man City iżidu l-pressjoni fuq Arsenal


