Lokali

Wara l-Istorja ta’ Anton Refalo u Totò Riina – Jerġgħu jixħtu l-attenzjoni fuq Malta

Il-każ li tant qajjem għagħa fil-jiem li għaddew tal-Ministru Anton Refalo b’konnessjoni ma’ residenza fil-Qala, Għawdex, li fiha, allegatament, kien qatta’ żmien il-boss Mafjuż Totò Riina, dawwar l-attenzjoni tal-midja Taljana fuq Malta, l-aktar biex jirrappurtaw każi marbutin mal-kriminalità organizzata.

Wieħed minn dawn ir-rapporti deher matul din il-ġimgħa fil-gazzetta influwenti ‘La Sicilia’ li fih jingħad li Malta qed tkun użata minn Cosa Nostra biex ‘jinħaslu’ flus illeċiti permezz ta’ kumpaniji tal-gaming, li għalkemm huma liċenzjati legalment, huma fil-fatt immexxijin minn individwi mdaħħlin fil-Mafja siċiljana.

L-artiklu jallega wkoll li hemm kuntatti bejn il-Mafja u l-politika biex ikunu protetti interessi ekonomiċi mafjużi.

Finalment ir-rapport jgħaqqad saħansitra dawn il-maniġġi man-nies tal-boss mafjuż l-ieħor, Matteo Messina Denaro li, jallegaw, għandu konnessjoni mal-‘famuża’ kumpanija 17 Black li kienet reġistrata f’Dubai u li tant issemmiet f’pajjiżna, inkluż mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, fil-kuntest ta’ persuni qrib ferm tal-Partit Laburista.