Wara li s-sena li għaddiet temm b’suċċess sfida bir-rota minn Messina sa Pozzallo fi Sqallija b’risq Caritas Malta, Martin Azzopardi, għat-tielet sena konsekuttiva u fuq rotta b’avventura ġdida u aktar impenjattiva se jerġa’ jidħol għal sfida bir-rota biex ikompli jiġbor fondi għall-istessgħan nobbli.
Din id-darba, Martin se jagħmel distanza ta’ 200km li se ssir bejn it-22 u t-23 ta’ Mejju 2026, fuq rotta li tibda minn Santo Domenico Victoria u tispiċċa Capo D’Orlando Taormina. Din l-isfida ġdida hija pass ieħor fil-missjoni tiegħu li jgħaqqad l-isport mal-għajnuna soċjali. Azzopardi spjega li d-deċiżjoni li jerġa’ jżid l-isfida ġejja mill-inkoraġġiment li rċieva matul l-aħħar inizjattiva, kemm mill-familja, ħbieb, it-team tiegħu kif ukoll minn Caritas Malta. Huwa sostna wkoll li kull kilometru li jkopri jirrappreżenta lill-persuni li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ Caritas Malta.
Martin Azzopardi għandu ħafna għal qalbu l-ħidma ta’ Caritas Malta, speċjalment minħabba l-esperjenzi li jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum ma’ persuni u familji li jkollhom bżonn l-appoġġ tagħha. Huwa enfasizza kif ħafna minn dawn il-persuni rnexxielhom jerġgħu jibdew ħajjithom b’dinjità, u dan ikompli jimmotivah biex jikkontribwixxi. Martin jagħti servizz b’ambulanza fejn anki f’sejħa b’emerġenza japprezza ħafna iktar il-valur tal-ħajja.
Martin ilu jipprepara għal din l-isfida minn meta temm l-avventura tas-sena li għaddiet, b’enfasi fuq taħriġ konsistenti u dedikazzjoni biex jilħaq il-livell meħtieġ għal din id-distanza. Huwa jħeġġeġ lil kulħadd biex juri s-sapport tiegħu, kemm billi jsegwi l-inizjattiva kif ukoll billi jagħti donazzjoni, biex Caritas Malta tkompli ssaħħaħ u tevolvi s-servizzi tagħha lejn dawk fil-bżonn.
Martin Azzopardi jirringrazzja lil dawk kollha li qed jappoġġjawh, b’mod speċjali lil martu Sandra, lill-familja, lill-ħbieb, lill-kollegi tax-xogħol u lit-team li se jkun miegħu matul din l-isfida.
Huwa jesprimi wkoll il-gratitudni tiegħu lejn l-isponsors kollha li qed jagħmlu din l-inizjattiva possibbli fosthom: Go & Fun Isotonic Sport Drink, Emergency Malta Private Medical Services, Joseph Mifsud Woodworks Ltd, Casapinta, Virtu Ferries Limited, Miller Distributors Limited, Lourdes Opticians, Luglio Bar & Wine, J.Calleja Import & Export Limited, Agora Estates PLC, SKS Ltd. Min jixtieq jikkontribwixxi jista’ jagħmel dan permezz ta’ Revolut fuq 99884609.
Din l-attività tifforma parti mill-inizjattivi ta’ “3rd party events” ta’ Caritas Malta, fejn individwi, kumpaniji jew gruppi jorganizzaw attivitajiet biex jinġabru fondi b’risq l-organizzazzjoni. Dawn il-fondi huma kruċjali biex Caritas Malta tkompli tipprovdi servizzi terapewtiċi residenzjali kontra d-dipendenza tad-droga, kif ukoll servizzi psiko-soċjali li jingħataw minn Caritas Community Centre fil-Ħamrun, kollha mingħajr ħlas.
200km bir-rota minn Martin Azzopardi

Santo Domenico Victoria sa Capo D’Orlando Taormina b’risq Caritas Malta

