Lokali

Chris Fearne jgħid li kien jingħata l-ġenb fil-ftehim tal-isptarijiet ma’ Vitals

Fearne qal li fl-ewwel laqgħa tal-Kabinett b’Robert Abela Prim Ministru lura fl-2020, hu kien ippropona li l-gvern jibda’ diskussjonijiet ma’ Steward biex jintemm il-ftehim tal-konċessjoni…madanakollu l-ftehim baqa’ fis-seħħ u d-deal ġie terminat wara l-kawża li fetaħ Adrian Delia.

L-eks Ministru tas-Saħħa u l-eks Deputat Mexxej tal-Labour Chris Fearne, taħt ġurament qal li ingħata l-ġenb fid-deal frawdolenti tal-kunċessjoni tal-Isptarijiet lil Kumpanijja Vitals.

F’seduta tal-Qorti, Fearne beda’ billi tkellem fuq iż-żmien meta kien Segretarju Parlamentari taħt il-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi – U kif qal Fearne stess, tħalla fid-dlam fejn jidħol dan id-deal.

Liema deal aktar tard ġie ddikjarat null mill-ogħla Qorti ta’ Malta, wara li nstab li l-ftehim kien wieħed frawdolenti – dan apparti li l-Qorti kkonkludiet wkoll li l-Gvern Malti kien f’kollużjoni u ħadem mal-frodisti barranin…mhux fl-interess tal-poplu.

Intant Fearne ddikjara li dak iż-żmien, bħala Segretarju Parlamentari ma kellux f’idejh aspetti legali u finanzjarji tal-istess Ministeru tas-Saħħa, u għamilha ċara li kollox kien taħt kontroll sħiħ ta’ Konrad Mizzi, li dak il-perjodu kien Ministru tas-Saħħa lura fl-2016.

Apparti min hekk Chris Fearne qal wkoll li kemm il-darba ħassu frustrat minħabba l-fatt li meta kien ikun f’negozjati mal-Vitals, ma kienx ikun jista’ jkun preżenti f’negozjati dwar it-termini tal-kuntratti li saru. Skont Fearne il-laqgħat li fihom kienu jiġu diskussi it-termini kienu jsiru biss ma’ Konrad Mizzi.

Chris Fearne qal wkoll li saħansitra kien kellem lil Joseph Muscat dwar din is-sitwazzjoni u, skont l-istess xiehda, qal li kien kellem wkoll lil Muscat dwar kif ma kienx qed jara’ progress min naħa ta’ Vitals. Dan apparti li saħaq li kien hemm drabi fejn saru affarjiet minn wara daru.

Aktar dettalji tal-Qorti;

L-eks ministru tas-saħħa jixhed fil-qorti dwar nuqqas ta’ trasparenza taħt Konrad Mizzi, jispjega kif ippropona li jintemm il-ftehim ma’ Steward fl-2020 u kif skopra klawsola ta’ penali ta’ €100 miljun kontra l-gvern.

L-eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne xehed fil-qorti li spiss tħalla barra mid-deċiżjonijiet kruċjali marbuta mal-konċessjoni tal-isptarijiet, filwaqt li sostna li ħafna mill-ftehimiet kienu qed jiġu nnegozjati direttament bejn Konrad Mizziu l-operaturi privati mingħajr l-involviment tiegħu.

Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Fearne rrifletta fuq l-2013, sena li fiha ġie elett għall-ewwel darba. Hu spjega kif, dak iż-żmien, Malta kienet taħt pressjoni mill-Unjoni Ewropea biex tnaqqas id-defiċit u l-infiq kapitali. B’reazzjoni, il-gvern nieda inizjattiva magħrufa bħala “Project Malta”, immexxija minn Mizzi, bil-għan li tattira investiment privat f’infrastruttura kbira mingħajr ma dan jidher direttament fil-kontijiet tal-istat.
Fearne qal li, bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-operat tas-saħħa, kien involut f’livell operattiv, iżda l-istruttura finanzjarja u legali kienet taħt il-kontroll ta’ Mizzi.

Fost il-pjanijiet kien hemm l-istabbiliment ta’ kampus għall-Barts Medical School f’Malta, li kien jeħtieġ kemm faċilitajiet akkademiċi kif ukoll aċċess għal sptarijiet attivi. Fearne semma kif attenda diversi preżentazzjonijiet dwar proposti internazzjonali li kienu jinkludu kura għall-anzjani u żvilupp ta’ sptar speċjalizzat.

Aktar tard ħareġ sejħa uffiċjali għal espressjonijiet ta’ interess li kienet tinkludi l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u St Luke’s Hospital, u aktar tard ġie miżjud ukoll Karen Grech Hospital.

Fl-2015, il-Kabinett approva proposta li għażlet lil Vitals Global Healthcare bħala l-konċessjonarju. Fearne qal li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq studju ta’ PwC li kien juri potenzjal fil-qasam tat-turiżmu mediku.

Skont kif ġie spjegat lilhom, il-ftehim kien suppost ikun newtrali finanzjarjament: il-gvern kien jibqa’ jħallas għall-istess servizzi, filwaqt li l-kumpanija privata kienet tinvesti fl-iżvilupp u tirkupra l-ispejjeż tagħha permezz ta’ pazjenti barranin.

Madankollu, Fearne sostna li spiss sab ruħu frustrat minħabba li waqt negozjati kien jiġi infurmat li ċerti termini kienu diġà ġew miftiehma ma’ Mizzi.

Fl-2017, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat informa lil Fearne li l-konċessjoni kienet se tgħaddi għand Steward Healthcare.

F’dan il-kuntest, Fearne qajjem tħassib dwar żewġ punti ewlenin: il-garanzija ta’ €90 miljun, li minn bank guarantee nbidlet għal garanzija minn kumpanija, u l-bidliet fil-mudell finanzjarju li setgħu jwasslu għal spejjeż ogħla għall-gvern.

Hu qal li dawn il-bidliet kienu qed jiġu mbuttati minn Mizzi, minkejja l-oġġezzjonijiet tiegħu, u saħansitra ġew approvati mill-Kabinett waqt laqgħa li hu ma kienx preżenti għaliha.

Fearne xehed li wara r-riżenja ta’ Mizzi fl-2019, hu informa lil Steward li l-ftehim tal-art kien se jitħassar.
Meta Robert Abela sar Prim Ministru f’Jannar 2020, Fearne qal li fl-ewwel laqgħa tal-Kabinett ippropona li l-gvern jibda diskussjonijiet ma’ Steward biex jintemm il-ftehim tal-konċessjoni.

Kien f’dan l-istadju li skopra klawsola li setgħet twassal għal penali ta’ €100 miljun kontra l-gvern, anke jekk il-ftehim jiġi annullat mill-qrati. Pariri legali indikaw li l-aħjar triq kienet terminazzjoni b’qbil bejn iż-żewġ naħat.

L-iżviluppi seħħew waqt il-pandemija tal-COVID-19, fejn Fearne qal li kien impenjat b’mod intensiv fit-tmexxija tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika.

Fl-istess ħin komplew in-negozjati ma’ Steward, iżda mingħajr ftehim. Dan wassal biex il-gvern fetaħ proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali quddiem il-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali.

Evalwazzjoni minn Grant Thornton indikat li €41 miljun kienu dovuti għal servizzi mogħtija. Fl-aħħar, l-arbitraġġ iddeċieda favur il-gvern, u kkonkluda li l-istat kien fil-fatt irċieva aktar servizzi milli ħallas.

Fearne tkellem ukoll dwar dak li ddeskriva bħala attentat ta’ pressjoni u tixrid ta’ informazzjoni falza kontrih waqt li kien qed jokkupa kariga internazzjonali.

Hu qal li investigazzjoni mill-FCID ma sabet l-ebda prova ta’ abbuż, filwaqt li ġurnalisti, fosthom Matthew Caruana Galizia, ikkonfermaw li kien hemm tentattivi biex jiġu ppubblikati stejjer mhux veritieri.

Fl-aħħar parti tax-xhieda, Fearne spjega kif oppona diversi talbiet minn Steward għal pagamenti addizzjonali, inklużi spejjeż għal sodod ortopediċi u xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni.

Hu qal li waqqaf ukoll proposta li kienet tinkludi żieda ta’ 9% komposta fuq il-ħlasijiet tal-gvern.
Is-seduta kienet preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, filwaqt li Fearne qed jiġi rappreżentat mill-avukati Alex Sciberras u Stephen Tonna Lowell.