Għawdex Lokali Saħħa

CT Scan “state-of-the-art” f’Għawdex bil-ħsara

Ġurnata ġdida, storja oħra ta’ problemi serji li qed jaffaċċjaw l-Għawdxin fis-settur tas-saħħa. Hekk kif kien imiss issa li CT Scan fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex tispiċċa bil-ħsara.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li sal-ġurnata tal-Ħadd biss kienu 5 il-pazjenti li kellhom jintniżżlu Malta permezz ta’ ħelikopter sabiex tkun tista’ ssirilhom CT Scan fl-Isptar Mater Dei. Dan ifisser, li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għamel perjodu twil ħafna mingħajr ħelikopter, mingħajr anestetista u mingħajr infermiera tal-Emerġenza.

Din l-istess CT Scan li attwalment hija bil-ħsara, hija l-istess waħda li l-Prim Ministru ħabbar b’tant pompa lura fl-10 ta’ Jannar tal-2025 – u cioè ftit aktar minn sena ilu. Fejn mal-ġurnalisti kien iddeskriva din is-CT Scan bħala state-of-the-art u li bħalha, sa dak iż-żmien, fl-Ewropa kien hawn biss 12-il wahda.

Dan għaliex din is-CT Scan, skont il-Prim Ministru Robert Abela, tuża l-intelliġenza artifiċjali sabiex id-dijanjosti tal-pazjent tkun aktar preċiża.

Iżda, sena u ftit xhur wara, ic-CT Scan tinsab bil-ħsara. U l-pazjenti li jkunu Għawdex u jkollhom bżonn scan, qed ikunu sfurzati jinżlu Malta permezz ta’ ħelikopter, flimkien ma’ infermier u anestetista.

Sa issa, minn informazzjoni li waslet għand Net News jirriżulta illi kienu propju 5 it-total ta’ pazjenti li kellhom jitniżżlu Malta – xi ħaġa li bla dubju qed tkun ta’ skumdità kbira fuq il-pazjenti, u li qed titfa’ pressjoni addizzjonali fuq l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.